Sunday, November 24, 2024

Għada tibda l-kumpilazzjoni ta’ Elliot Paul Busuttil mixli bil-qtil ta’ Mario Farrugia

Aqra wkoll

Il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Elliot Paul Busuttil, li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Mario Farrugia, mistenni li tibda għada quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima. 

Busuttil ta’ 38 sena jinsab mixli wkoll li ħeba l-katavru, li kellu sikkina mingħajr liċenzja, li naqas milli josserva l-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv.

Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Busuttil kien wieħed minn erba’ persuni li kienu arrestati fit-13 ta’ April li għadda, suspettati bl-involviment tagħhom fl-omiċidju ta’ Farrugia. 

Kienu ftit wara s-6.00 p.m. xħin il-Pulizija ċċirkondaw tliet postijiet differenti f’Ħ’Attard, fl-Imsida u fil-Mosta u sussegwentement ġew arrestati l-erba’ persuni. Mill-postijiet fejn saru l-arresti, ġew elevati wkoll diversi affarijiet li komplew jgħinu lill-investigaturi fl-istħarriġ tagħhom b’rabta ma’ dan il-każ.

Mario Farrugia ta’ 62 sena minn Pembroke kien instab maqtul fil-bagoll tal-vettura tiegħu b’diversi daqqiet ta’ sikkina f’sidru. Huwa nstab mejjet fil-5 ta’ April li għadda fil-wied ta’ Ħal Qormi.

Farrugia kien irrapportat nieqes fit-28 ta’ Marzu, 2022, fl-akwati tar-residenza tiegħu u kien qiegħed jagħmel użu minn vettura Peugeot 407 ta’ lewn griż.

Il-prosekuzzjoni fil-każ kontra Busuttil qiegħda titmexxa mill-Avukati George Camilleri, Kaylie Bonnet u Maria Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Kurt Zahra, Wayne Camilleri u Jean-Paul Attard. 

L-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila dehru għal Busuttil. L-Avukati Keith Borg, Jacob Magri u Arthur Azzopardi dehru parte civile għall-familjari tal-vittma.

Sport