Friday, November 22, 2024

Għada tista’ iżżur swali esklussivi fil-Palazz tal-Gran Mastru

Aqra wkoll

Għada l-Ħadd, Heritage Malta se tagħti lill-pubbliku l-opportunità unika li jżur il-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta u jidħol fi swali li qatt qabel ma kienu aċċessibbli għalih.

Il-palazz ilu magħluq diversi xhur biex jitwettaq proġett ta’ restawr li hu l-aktar wieħed estensiv li qatt daħlet għalih Heritage Malta. Il-proġett li għaddej bħalissa hu stmat li se jiswa madwar €30 miljun, b’€10 miljun minnhom kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Fażijiet minn dan il-proġett mistennija jibdew jinfetħu għall-pubbliku fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla, filwaqt li l-proġett kollu għandu jkun komplut sas-sena 2025.

Il-pubbliku se jkun jista’ jsegwi l-proġett ta’ restawr fil-fażijiet kollha tiegħu, billi jidħol fi swali fejn ix-xogħlijiet għadhom għaddejjin, żoni fejn ix-xogħlijiet għad iridu jibdew, u kmamar fejn ix-xogħlijiet tlestew għalkollox.

Fost l-ispazji li l-pubbliku se jkun jista’ jidħol fihom u li qatt qabel ma kienu aċċessibbli għalih hemm is-Swali Statali li għadhom kemm ġew restawrati, il-bejt (jekk it-temp jippermetti), u s-swali li jservu bħala uffiċini għall-President tar-Repubblika.

Matul l-Open Day, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jduru mal-palazz waħedhom jew inkella jkunu parti minn tours gwidati fejn jingħataw tagħrif dwar il-palazz, ir-restawr u x-xogħol li qed isir, kif ukoll l-iskoperti li saru waqt ix-xogħlijiet. It-tours se jsiru kull siegħa u jibdew fid-9.30am. L-aħħar dħul ikun fl-4.30pm.

Tul il-ġurnata kollha se jsiru wirjiet ta’ fencing storiku mill-Malta Historical Fencing Association kif ukoll wirjiet ta’ interpretazzjoni storika mill-Compagnia San Michele.

Id-dħul fil-Palazz tal-Gran Mastru fl-Open Day se jkun bla ħlas iżda min jixtieq jista’ jagħmel donazzjoni ta’ flus b’risq il-Malta Community Chest Fund.

 

Sport