Għaddejjin l-aħħar preparamenti biex għada f’Ħal Kirkop tittella’ l-ħames edizzjoni tal-80s & 90s Music Festival b’risq il-Fondazzjoni Inspire. L-avveniment huwa b’xejn, iżda d-donazzjonijiet li se jkunu qed jinġabru mad-dħul se jkunu b’risq Inspire Malta.
Il-kunċert, li jibda għall-ħabta tat-8.00 p.m., se jkun qed jospita tribute act ta’ Tina Turner, ‘Typically Tina’, kif ukoll uħud mill-aqwa DJs lokali: Alex Reflex Grech, Sue Mifsud u Renato Vella. L-aħħar edizzjoni saret qabel il-pandemija tal-Covid-19 fejn il-festival kien jitqies bħala avveniment mistenni minn persuni ta’ kull età.
Is-CFO ta’ Inspire, Giovanna Mirabile spjegat kif l-Inspire tispeċjalizza f’għajnuna għal dawk li jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu, dawk b’diffikultajiet profondi fit-tgħalim u dawk b’aġir diffiċli.
Filwaqt li l-NGO tirċievi fondi governattivi għal diversi programmi, xorta waħda tiġi bżonn is-sapport ta’ donazzjonijiet mill-pubbliku u forom oħrajn ta’ ġbir ta’ fondi biex tkompli tinvesti fil-faċilitajiet speċjalizzati tagħha f’Malta u Għawdex, kif ukoll fl-istaff speċjalizzat u servizzi li dejjem qed jikbru fid-domanda.
Louis Zammit, President ta’ St Leonard Band Club u l-organizzaturi tal-festival esprimew ukoll l-entużjażmu li jikkontribwixxu għal kawża daqshekk ġenwina u rringrazzja lill-Inspire talli baqgħet tafda l-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment f’K Music Events. “Bħala organizzazzjoni volontarja, K Music Events tinsab verament kuntenta li qed torganizza avveniment tat-tip għal kawża daqshek ġusta. Dawn l-avvenimenti jgħinuna nikbru fil-komunità filwaqt li ngħinu lil dawk li għandhom bżonn xi tip ta’ assistenza.”
Din mhix l-ewwel darba li Typically Tina, is-Sinjura Karen Rossanne Godfrey, vjaġġat lejn Malta. Hi żaret Malta 22 sena ilu għall-Qamar il-Għasel u tinsab kuntenta li ngħatat l-opportunità li żżur il-Gżejjer Maltin mill-ġdid. L-atmosfera enerġika li rat minn edizzjonijiet passati tal-festival, kif ukoll l-iskop wara Inspire u l-għajnuna li tagħti lit-tfal b’diżabilità inkoraġġieta biex tipparteċipa f’dan l-avveniment.
Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm il-Ministru għall-Wirt Kulturali Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li nnota l-ħidma tal-għaqdiet mużikali li minbarra li jħejju għall-festa tal-lokal, jagħtu sehemhom biex jittellgħu avvenimenti bħal dawn, bil-fondi miġbura se jmorru għal kawża ġusta.