Fl-aħħar sigħat għajnejn id-dinja kienu fuq is-summit li sar bejn il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-President Russu Vladimir Putin. Summit li kif mistenni ma ħareġ b’ebda konklużjoni, għajr li se jsiru aktar laqgħat. Dan kien mistenni għax hu fatt magħruf li r-Russja jaqblilha ittawwal id-deċiżjonijiet li għandha tieħu dwar it-tmiem tal-kunflitt u dan minħabba diversi raġunijiet. L-argument ‘jaħraq’ hu ċar ħafna.
Ir-Russja trid li dak li rebħet, l-art li llum qed tokkupa u li kienet tal-Ukrajna, tibqa’ tar-Russja. Li hu ċar u anke minn dak li żviluppa wara, hu li l-Unjoni Ewropea għal darba oħra kompliet tispiċċa iżolata. Qegħdin naraw summit jiddiskuti kunflitt fil-fruntiera tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea kienet litteralment eskluża. Illum qegħdin naraw jgħib id-diskors tal-Unjoni Ewropea li l-Ukrajna se toħroġ rebbieħa. Li Putin u r-Russja se joħorġu telliefa.
Wara dan is-summit rajna id-diskors jinbidel totalment mill-istess Unjoni Ewropea, li proprju ftit xhur ilu kienet qiegħed tiddiskuti kif se tgħin aktar lill-Ukrajna biex din tkompli bil-ġlieda tagħha kontra r-Russja.
Wara s-summit bejn Trump u Putin, kellna lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, li quddiem l-iżolament li spiċċat fih l-istess Unjoni Ewropea, qalet li “l-Unjoni Ewropea qiegħda taħdem mill-qrib mal-President Ukren Zelinsky u mal-istrati Uniti biex paċi għal tul ta’ żmien u ġusta”. Hi ddikjarat ukoll li hu essenzjali li jkun hemm garanziji ta’ sigurtà qawwija li jipproteġu kemm lill-Ukrajna u anke lill-Ewropa.