Sunday, November 24, 2024

Għadd ta’ parroċċi f’Malta se jiġbru affarijiet essenzjali għall-poplu Ukren

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt li ġej għadd ta’ parroċċi f’Malta se jiġbru affarijiet bażiċi u essenzjali li għandu bżonn bħalissa l-poplu Ukren. Din l-inizjattiva qed tiġi kkordinata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta permezz tal-Koperattiva LOOP.

Il-prodotti meħtieġa jinkludu: ikel tat-trabi, frott, ħaxix u laħam fil-bottijiet, ħalib long-life, juices, cereal bars, ikel li jsir malajr bħal noodles, ħrieqi tat-tfal u l-adulti, diżinfettanti, prodotti għall-iġene personali għall-irġiel u għan-nisa, toothpaste u mouthwash, sleeping bags, kutri, vacuum flasks kbar, lampi rechargeable u power banks  għall-mobile phones. Il-lista sħiħa tal-affarijiet li se jinġabru tista’ tinkiseb minn fuq il-website djakonija.org.

L-affarijiet jistgħu jitħallew fil-knejjes parrokkjali tal-Imqabba, in-Naxxar, Pembroke, il-Qawra u Wied il-Għajn bejn is-1pm u s-7pm. Mhux se jiġu aċċettati affarijiet oħra li mhumiex imniżżla fil-lista ta’ oġġetti mitluba speċifikament mill-Knisja fl-Ukrajna.

Il-prodotti kollha li jinġabru se jintbagħtu l-Ukrajna f’kontejner u jitqassmu minn Caritas Ukraine li fis-sitwazzjoni mwergħa ta’ bħalissa qed tgħin tfal, nisa u anzjani li qed jaħarbu mill-gwerra.

LOOP hi koperattiva soċjali tal-parroċċi Maltin li hi ffurmata minn diversi entitajiet tal-Knisja f’Malta li jaħdmu mill-qrib mal-batut u dawk fil-bżonn.

Sport