Il-familji tal-ħames persuni li oriġinarjament marru għal avventura biex jaraw il-fdalijiet tat-Titanic huma b’qalbhom maqsuma hekk kif il-ħin li suppost servihom l-ossiġinu, għadda.
Is-sottomarin li jagħmel ġiti turistiċi, it-Titan, tilef kull kuntatt mal-operaturi l-Ħadd li għadda u minkejja t-tfittxija bla heda mill-Gwardji tal-Kosta Amerikani, dawn baqgħu ma ġewx interċettati.
12.00 p.m. Mart wieħed miż-żewġ bdoti tas-sottomarin hija dixxendenti ta’ waħda mill-koppji li għerqu fit-traġedja tat-Titanic
F’aħbar oħra sar magħruf li mart wieħed miż-żewġ bdoti tas-sottomarin, Wendy Rush, hija dixxendent ta’ Isidor Straus u l-mara tiegħu Ida Straus — waħda mill-aktar koppji sinjuri li kienu abbord it-Titanic u li mietu meta għereq il-bastiment fl-1912.
Skont rapport fin-New York Times, Wendy Rush hija neputija tal-bużbużnanniet Straus, li kienu passiġġieri tal-ewwel klassi u kienu wkoll tnejn mill-aktar nies sinjuri abbord it-Titanic.
Wendy iżżewġet lil Stockton Rush, li huwa wieħed mill-ħames persuni abbord is-sottomarin li għeb. Hija nnifisha marret fi tliet spedizzjonijiet lejn it-tifrik tat-Titanic fl-aħħar sentejn.
Rush hija d-direttur tal-komunikazzjoni tal-kumpanija OceanGate li topera s-sottomarin Titan u hija wkoll membru tal-bord għal żmien twil tal-fondazzjoni tal-karità tal-istess kumpanija.
Skont ir-rapport, Ida Straus waqt l-għarqa tat-Titanic irrifjutat li tħalli lil żewġha u ssalva lilha nfisha meta n-nisa u t-tfal kienu qed jitgħabbew fuq id-dgħajjes tas-salvataġġ. Hi u żewġha dehru bilwieqfa id f’id fuq il-gverta tat-Titanic hekk kif il-bastiment inqasam u beda nieżel fil-qiegħ tal-Atlantiku.
Il-katavru ta’ Isidor kien instab fil-baħar ġimagħtejn wara l-għarqa iżda l-katavru ta’ martu Ida baqa ma nstab qatt.
Wendy Rush hija dixxendent ta’ waħda mill-bniet ta’ Isidor u Ida, Minnie. Binha, Richard Weil Jr Isidor Straus, u l-mara tiegħu Ida Straus, aktar tard sar il-president tad-ditta ‘Macy’ (stabbiliment tal-ħwienet) fi New York.
10:30 a.m. Jissokta l-ottimiżmu minkejja li qed jonqos l-ossiġnu fis-sottomarin li għeb
Is-saga tas-sottomarin turistiku Titan b’ħames min-nies fih li għeb qrib it-tifrik tat-Titanic nhar il-Ħadd li għadda daħlet f’fażi delikatissima. Għalkemm għad fadal ftit tal-ottimiżmu fost l-ekwipaġġi tas-salvataġġ, b’danakollu qed jingħad li jrid ikun b’miraklu li l-ħames persuni jiġu salvati.
L-operazzjoni tas-salvataġġ se tissaħħaħ b’vettura sofistikata (ROV) mill-kumpanija tar-Renju Unit Magellan li bħalissa qed titgħabba fuq ajruplan C17 fl-Ajruport ta’ Jersey. Din il-vettura, imsejħa ‘Juliet’, għandha kapaċità li tinżel f’fond ħafna u riċentement intużat biex tiġbor informazzjoni tat-tifrik tat-Titanic u pproduċiet filmati 3D tal-vapur kollu.
Biex ‘Juliet’ titwassal fuq is-sit fejn hu maħsub li għeb is-sottomarin Titan se tieħu madwar 48 siegħa li hija ferm iktar mis-sigħat ta’ ossiġnu li jista’ jkun għad fadal fis-sottomarin. Din il-vettura sofistikata Ingliża kienet ilha ppreparata minn kmieni dil-ġimgħa u lesta biex titlaq, iżda ġiet miżmuma għal raġunijiet ta’ permessi.
L-esploratur tal-baħar fond, Dr David Gallo, jemmen li jrid ikun miraklu biex il-ħames persuni abbord it-Titan jinstabu u jiġu salvati. Madanakollu, baqa’ ottimist li s-salvataġġ ikun suċċess.
Huwa qal lil Good Morning Britain tal-ITV li l-ħsejjes li ġejjin minn taħt l-ilma huma “kredibbli u ripetibbli” li jfisser li t-timijiet ta’ salvataġġ iridu jassumu li ġejjin mit-Titan u għalhekk iridu jaġixxu malajr biex jillokalizzah u jtellgħuh sal-wiċċ.