Grupp ta’ għaddasa kkawżaw kaos fiċ-Ċirkewwa wara li resqu viċin il-moll u konsegwentament il-vapuri ngħataw sinjal biex ma jidħlux fil-port minħabba miżuri ta’ prekawzjoni.
Dan is-sit jinsab infurmat li fuq il-post issejħu uffiċjali tal-Pulizija minħabba tħassib li xi persuna jew persuni setgħu kienu f’diffikultà.
Madanakollu kelliem għall-pulizija kkonferma magħna li s-sitwazzjoni ġiet kontrollata u l-vapuri mistennija jkomplu joperaw b’mod normali.
Intant minħabba l-ittardjar sakemm ġiet kontrollata s-sitwazzjoni u ġie żgurat li ma kien għad fadal l-ebda periklu nħoloq kju twil ta’ vetturi jistennew biex jaqsmu l-fliegu.