Tuesday, December 24, 2024

Għaddasa jsibu iktar teżori fiż-żona fejn kien inkalja bastiment ikoniku Spanjol fl-1656

Aqra wkoll

Grupp ta’ għadda professjonali rnexxielhom isibu iktar teżori qalb in-nawfraġju ta’ bastiment Spanjol li kien għereq fis-Seklu 17 ġewwa l-Bahamas. 

Il-bastiment bl-isem ta’ Nuestra Señora de las Maravillas kien galjun Spanjol li għereq fit-Tramuntana tal-Bahamas fl-4 ta’ Jannar 1656. Il-maġġor parti tat-teżor li kien hemm fuq dan il-bastiment kien ġie rkuprat f’tiftix li sar bejn l-annu meta għereq il-vapur u l-1990. Iżda grazzi għal teknoloġija avvanzata, ir-riċerkaturi rnexxielhom isibu iktar teżori li qatt ma kienu nstabu. Fost l-affarijiet misjuba hemm ammont sostanzjali ta’ vażetti b’żebbuġ Spanjol, porċellana fina miċ-Ċina, muniti tad-deheb u fidda, manku tal-fidda ta’ xabla proprjetà tas-suldat Don Martin de Aranda y Gusmàn, għadd ta’ katini tad-deheb, kif ukoll erba’ pendenti li kienu jintlibsu mill-membri tal-Ordni Santiago. Din l-Ordni reliġjuża kienet magħmula minn kavallieri li kienu attivi ħafna fil-kummerċ marittimu Spanjol. 

Dan il-bastiment kien parti mill-flotta Tierra Firme li kienet salpat minn Havana f’Kuba lura lejn Spanja. Dan il-bastiment kien għereq wara li ħabat ma’ bastiment ieħor tal-istess flotta u mbagħat laqat sikka, fejn f’temp ta’ 30 minuta għereq. Abbord kien hemm 650 persuna u r-rakkonti jgħidu li ħafna minnhom qabdu mal-biċċiet tal-injam tal-bastiment iżda sfortuntament inġarrew mill-kurrent u qatt ma dehru iktar. B’kollox kienu salvaw biss 45 persuna. 

Ekonomija

Sport