Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia żaru xogħlijiet infrastrutturali li għaddejjin f’Ħal Kirkop, li jinkludu titjib fin-netwerks tal-ilma tax-xorb u tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, kif ukoll min naħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed joħloq sistema aktar kompleta u effiċjenti ta’ immaniġġjar tal-ilma tax-xita f’dawn l-inħawi.
Ix-xogħlijiet bħalissa għaddejjin, wara li ftit ġimgħat ilu beda x-xogħol biex tiġi sostitwita s-sistema tad-drenaġġ fi Triq K. Darmanin.
Matul iż-żjara, il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat kif l-investiment kontinwu fl-infrastruttura essenzjali huwa kruċjali biex jissaħħu l-komunitajiet u l-iżvilupp sostenibbli f’pajjiżna. “Li niżguraw li l-infrastruttura tagħna tkun lesta għall-ġejjieni, u tindirizza l-bżonnijiet futuri tal-komunitajiet tagħna, huwa essenzjali kemm għas-sostenibbiltà ambjentali kif ukoll għall-kwalità tal-ħajja. Proġetti bħal dawn qed jibnu reżiljenza fis-sistemi tagħna u huma investiment fit-tul għar-residenti u kif ukoll tan-negozji,” qalet il-Ministru Dalli.
Hija żiedet tgħid li l-Gvern jibqa’ impenjat li jimmodernizza l-infrastruttura tal-ilma madwar Malta u Għawdex permezz ta’ investimenti strateġiċi li jtejbu l-effiċjenza, inaqqsu r-riskju ta’ interruzzjonijiet fis-servizz tal-ilma, u jissalvagwardjaw ir-riżorsi tal-ilma tal-pajjiż.
“Dawn ix-xogħlijiet f’Ħal Kirkop jiffurmaw parti minn sforz nazzjonali usa’ biex inkomplu nsaħħu n-netwerks tal-ilma u tad-drenaġġ li jservu l-lokalitajiet tagħna. Billi ninvestu f’dawn is-sistemi essenzjali, qed niżguraw li l-komunitajiet jibbenefikaw minn servizzi aktar affidabbli filwaqt li nkomplu nipproteġu l-ambjent u nappoġġjaw tkabbir sostenibbli għas-snin li ġejjin,” qalet il-Ministru Dalli.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia qal li għal diversi snin ir-residenti ta’ Ħal Kirkop sofrew minn problema kbira ta’ għargħar wara xita qawwija. “llum b’sinerġija bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma, għaddejjin bit-tielet fażi ta’ dan il-proġett, sabiex jinġabar ammont kbir ta’ ilma tax-xita. Dan il-proġett huwa xhieda ċara tal-impenn li l-Gvern qed juri sabiex ikompli jtejjeb l-infrastruttura fit-toroq tagħna u b’hekk inħarsu s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti u s-sewwieqa li jużaw dawn it-toroq”.
Ix-xogħlijiet tal-ilma tax-xorb jinvolvu l-installazzjoni ta’ pajp prinċipali tal-ilma potabli b’dijametru ta’ 100mm tul medda ta’ 700 metru u jiffurmaw parti mill-isforzi kontinwi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex issaħħaħ l-affidabbiltà u l-effiċjenza tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb ta’ Malta.
Sadanittant, it-titjib tan-netwerk tad-drenaġġ jinvolvi xogħlijiet b’investiment ta’ madwar €1 miljun. Il-proġett jinkludi l-installazzjoni ta’ pajp tad-drenaġġ b’dijametru ta’ 600mm tul medda ta’ 305 metru fi Triq Danny Cremona, l-installazzjoni ta’ pajp tad-drenaġġ b’dijametru ta’ 250mm tul medda ta’ 200 metru minn Triq ir-Ramlija, u l-installazzjoni ta’ pajp tad-drenaġġ b’dijametru ta’ 200mm tul medda ta’ 400 metru minn Triq il-Belt Valletta.
Min-naħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jkunu qed jiġu installati madwar 640 metru ta’ pajpijiet, b’dijametru li jvarja bejn 400 u 700 millimetru, li se jkunu konnessi man-netwerk li diġà tlesta fi Triq San Pietru.

