Wara t-tlestija tal-ewwel proġett tas-sistema tal-Onshore Power Supply (OPS) fil-Port il-Kbir is-sena l-oħra, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq it-tieni parti, magħrufa bħala OPS SHR (South Harbour Region) li ser taħdem b’sistemi ta’ vultaġġ għoli u baxx. B’hekk, din l-infrastruttura ser tespandi u tkopri partijiet oħra tal-Port il-Kbir biex Malta tkompli tikkonsolida r-rwol u r-reputazzjoni tagħha bħala port sostenibbli ewlieni fil-Mediterran.
Ix-xogħol fuq l-OPS SHR ikopri total ta’ għaxar mollijiet u ser joffri aktar minn 30 konnessjoni ġdida sabiex diversi tipi ta’ bastimenti jkunu jistgħu jaqbdu ma’ din is-sistema, fosthom dawk tal-merkanzija. Dan kollu qed isir b’investiment ta’ aktar minn €44 miljun li jinkludu fondi nazzjonali u fondi Ewropej tal-JUST Transition Fund (JTF) u Connecting Europe Facility (CEF).
Matul żjara fuq ix-xogħol mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett u l-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, ġie spjegat kif waqt li vapur ikun marbut mal-moll, normalment ikollu jħaddem magni tal-fjuwil biex ikompli jipproduċi l-elettriku li għandu bżonn. Dan jirriżulta f’ammont ta’ emissjonijiet u ħsejjes. Bis-sistema tal-OPS, il-vapur ikun jista’ jitfi l-magni tiegħu u jaqbad direttament mal-grid nazzjonali tal-elettriku. Dan iwassal għal arja aktar nadifa, inqas tniġġis u inqas storbju.
Il-Ministru Chris Bonett spjega kif is-sistemi tal-Onshore Power Supply qed ikomplu jpoġġu lill-Malta fuq quddiem nett fejn jidħlu portijiet sostenibbli fl-Ewropa. “Qed naraw li sa nofs l-2027, ferm qabel il-miri li tat l-Unjoni Ewropea, il-vapuri tal-merkanzija li pajjiżna jiddependi fuqhom kif ukoll dawk li jidħlu għat-tiswija, ikunu jistgħu jieħdu mill-elettriku tal-pajjiż,” qal il-Ministru Bonett. Huwa spjega kif flimkien mal-ewwel proġett li beda jopera s-sena l-oħra u li miegħu diġà jaqbdu numru ta’ cruise liners, dan il-proġett ser ikompli jgħin biex inaqqas drastikament it-tniġġis għall-eluf ta’ familji li jgħixu mad-dawra tal-Port il-Kbir.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr, “Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej qed jiġu investiti b’mod strateġiku biex iwasslu għall-infrastruttura aktar sostenibbli. Il-provvista tal-enerġija mix-xatt lill-bastimenti se tnaqqas b’mod sinifikanti t-tniġġis tal-arja u l-istorbju fil-Port il-Kbir, u b’hekk ittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ eluf ta’ residenti u ħaddiema f’dawn l-inħawi”. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega kif investiment bħal dan, sostnut mill-fondi Ewropej, juri l-impenn tal-Gvern li jmexxi t-transizzjoni lejn infrastruttura aktar nadifa, moderna u sostenibbli filwaqt li nħarsu l-komunitajiet tagħna u nsaħħu s-settur marittimu.
Il-Gvern Malti qed ikompli juri viżjoni ċara għas-settur marittimu b’passi konkreti biex joffri infrastruttura moderna u nadifa ħafna qabel ma din issir obbligatorja b’regolamenti tal-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ kollaborazzjoni mill-qrib mal-operaturi tal-vapuri u kumpaniji internazzjonali, qed jiġi żgurat li l-bastimenti li jidħlu fil-Port il-Kbir jużaw din is-sistema b’mod effettiv.

