Wednesday, February 19, 2025

Għaddej ix-xogħol fuq spazju miftuħ ġdid fil-qalba ta’ Ħaż-Żebbuġ

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, fi Triq Sciortino f’Ħaż-Żebbuġ, fil-qalba ta’ din il-lokalità, bdew ix-xogħlijiet biex żona tinbidel fi spazju miftuħ u pedonali għar-residenti.

B’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, l-ewwel fażi tax-xogħlijiet jikkonsistu fit-twaqqigħ tas-saqaf ta’ latrina pubblika biex minflokha jsir ġibjun b’ħażna ta’ madwar 200,000 metru kubu ta’ ilma biex jintuża fit-tisqija u ż-żamma tal-indafa ta’ din iż-żona.

Fi żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia akkumpanjat mis-Sindku Steve Zammit Lupi, seta’ jara kif f’din iż-żona, qiegħda tinħoloq pjazzetta ġdida fejn ir-residenti jistgħu jissoċjalizzaw kif ukoll ikunu jistgħu jittellgħu diversi attivitajiet kulturali.

“Fl-aħħar xhur, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, intensifika l-ħidma tiegħu fi proġetti ta’ spazji miftuħa u pedonali fl-urban bl-għan ewlieni jkun li tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna. Infakkar kif ftit inqas minn sena ilu, permezz tal-ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u 54 kunsill lokali, ridna li ċ-ċentri tal-lokalitajiet tagħna jingħataw lura lir-residenti bil-ħolqien ta’ spazji miftuħa u ħodor,” spjega s-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia.

Is-segretarju parlamentari fakkar “Ftit inqas minn sena ilu, permezz tal-ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u 54 kunsill lokali, ridna li ċ-ċentri tal-lokalitajiet tagħna jingħataw lura lir-residenti bil-ħolqien ta’ spazji miftuħa u ħodor.”

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia temm jgħid li dan il-proġett huwa xhieda oħra ta’ sinerġija b’saħħitha bejn il-gvern, permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-kunsilli lokali.

Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Steve Zammit Lupi faħħar il-kollaborazzjoni ta’ bejn il-kunsill lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, liema kollaborazzjoni ser twassal biex fil-qalba tal-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ ser jimmaterjalizza proġett ieħor importanti għar-residenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport