Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, flimkien maċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta Inġ. Ryan Fava, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia u rappreżentanti tal-kunsill lokali, żaret diversi xogħlijiet li għaddejjin fil-lokalità ta’ Marsaxlokk.
“Qegħdin inkomplu nimmodernizzaw u nsaħħu s-servizzi tad-dawl u tal-ilma, f’lokalità wara oħra, speċjalment dawk aktar turistiċi u li jaraw ħafna attività ekonomika. B’hekk inkunu qed nindirizzaw il-ħtiġijiet tal-lum u ta’ għada u n-nies intuhom servizz aħjar u aktar affiddabbli,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Min-naħa ta’ Enemalta għaddej ix-xogħol biex jitpoġġew 3.5km ta’ cables ta’ vultaġġ medju f’din il-lokalità biex tkompli tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku għar-residenti u n-negozji fl-inħawi. Permezz ta’ dan ix-xogħol ser ikunu qegħdin jinħolqu links ġodda bejn substations f’Marsaxlokk u ż-Żejtun. Parti minn dan ix-xogħol jinkludi wkoll it-tneħħija ta’ overhead line fiż-żona tal-Marnisi biex minflok isir cable taħt l-art ħalli jitnaqqas ir-riskju ta’ ħsarat ikkawżati mill-elementi tan-natura.
Sar ukoll xogħol fuq low-voltage feeders ġodda biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni fuq livell ta’ vultaġġ baxx. Sadanittant, il-kumpanija se tkun qed tikkummissjona żewġ susbtations ġodda oħra biex is-sistema f’din il-lokalità tkompli tissaħħaħ. Dawn jingħaqdu maż-żewġ substations li diġà ġew ikkumissjonati matul is-sena li għaddiet. L-investiment minn Enemalta f’Marsaxlokk fis-sena preżenti biss ilaħħaq il-€1.7 miljun.
L-Inġ. Ryan Fava qal li permezz ta’ dan ix-xogħol qed tkun imsaħħa s-sistema tad-distribuzzjoni ġewwa Marsaxlokk u ż-Żejtun permezz ta’ links ġodda bejn substations eżistenti u substations ġodda f’dan il-lokal. Grazzi għall-kollaborazzjoni tal-Enemalta flimkien ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta l-investiment li qed isir f’Marsaxlokk ser ikun qed jagħti provvista iktar b’saħħitha. “Nirringrazzja lill-ħaddiema kemm tal-Enemalta kif ukoll ta’ Infrastructure Malta u Transport Malta li flimkien mal-kunsilli lokali ħadmu biex dawn ix-xogħlijiet setgħu jsiru fl-inqas ħin possibbli qabel jibdew ix-xhur tas-sajf,” qal l-Inġ. Fava.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma flimkien ma’ Infrastructure Malta għandha diversi interventi għaddejjin f’partijiet differenti ta’ Marsaxlokk fi Triq Tumbrell, Triq Arznell u Triq il-Power Station. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu bdil tal-mains tal-ilma eżistenti kif ukoll l-estensjoni ta’ bosta mains, kif ukoll xogħol fuq is-sistemi tan-New Water biex ikun jista’ jintuża mill-bdiewa fl-art agrikola tagħhom. Sar ukoll xogħol ta’ titjib tas-servizzi tad-drenaġġ, inkluż it-tibdil ta’ tappieri li kienu ddeterjoraw, u t-tibdil ta’ mains li jfornu residenzi fiż-żoni tal-madwar. Il-Korporazzjoni lestiet ukoll xogħlijiet f’St. Peter’s Pool. L-investiment totali min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jqarreb is-€700,000.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia qal, “Ix-xogħlijiet li saru f’diversi toroq f’Marsaxlokk – li jinvolvu t-titjib tan-networks tal-ilma tax-xorb u tad-drenaġġ, kif ukoll estensjoni tal-main prinċipali li jwassal in-New Water lill-bdiewa tagħna – huma xhieda tal-impenn tagħna li nkomplu nipprovdu servizz affidabbli u mtejjeb.”