Meta kien qed jieħu sehem f’diskussjoni bit-tema ‘Garanzija għax-Xogħol u l-Familji’ fl-Iskola Adrian Borg f’Birkirkara, il-Prim Ministru qal li saret rivoluzzjoni fis-suq tax-xogħol fosthom bl-inwork benefits, iċ-childcare b’xejn, il-ħlas tal-eżamijiet u bosta miżura oħrajn. Huwa kien qed jitkellem fl-isfont tal-interventi li saru minn studenti, imprendituri, ekonomisti, trejdunjonisti u esponenti mill-qasam soċjali.
Tkellem ukoll dwar l-użu tal-media soċjali fost it-tfal. Dr Abela qal li dan is-suġġett jinkwadra mat-tema tal-lum għax it-tfal huma l-ħaddiema tal-futur u jeħtieġ jitrawmu b’valuri b’saħħithom. Qal li għaddejja ħidma kif jista’ jiġi kkontrollat l-użu tal-media soċjali fost it-tfal ta’ 13-il sena jew inqas, bħalma qed jagħmlu pajjiżi oħra, fosthom l-Awstralja.
Gvern Laburista saħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u ta lura l-festi li waqgħu fi tmiem il-ġimgħa li ttieħdu meta l-PN kien fil-Gvern
Dr Abela rrefera wkoll għat-tisħiħ fil-kundizzjonijiet għall-ħaddiema, b’għadd ta’ miżuri li qed jidħlu fis-seħħ fosthom il-leave għall-korriment tat-tqala, il-maternity leave, il-paternity leave, u leave ieħor li qed jingħata lill-ħaddiema u l-familji bħala sostenn biex ikomplu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol.
Il-Prim Ministru semma’ wkoll il-ġranet ta’ leave mogħtija lura lill-ħaddiema minn Gvern Laburista li kienu jaqgħu fil-festi pubbliċi u kienu ttieħdu minn Gvern Nazzjonalista qabel l-2013. Spjega kif b’dik id-deċiżjoni, il-PN seraq 48 ġurnata li waqgħu fil-festi u dan ifisser li l-ħaddiema kienu mċaħħda minn sentejn leave.
Bil-Labour Migration Policy se jkun infurzat iktar l-obbligu li kumpaniji jimpjegaw persuni b’diżabilità
Dr Abela ħa spunt mill-intervent ta’ ġuvni b’diżabilità u għandu impjieg. Il-Prim Ministru appella biex iktar kumpaniji jimpjegaw persuni b’diżabilità għax jagħtu valur miżjud lill-post tax-xogħol u ħabbar li hawn 227 kumpanija qed josservaw l-obbligu li 2% tal-ħaddiema tagħhom ikunu persuni b’diżabilità.
Spjega li dan l-obbligu ġie nfurzat minn Gvern Laburista u min ma josservahx iħallas multa, li akkumulat għal madwar €1 miljun li qed tissarraf f’taħriġ mill-Fondazzjoni Lino Spiteri. Sostna li bil-Malta Labour Migration Policy min ma josservax dan ir-regolament mhux se jkun permess idaħħal ħaddiema ġodda.
Se jitwaqqaf Credit Review Office u se ssir l-inawgurazzjoni tal-high performance computer għall-investituri Maltin
Dwar l-investiment, il-Prim Ministru ġab l-eżempju ta’ wegħda elettorali li se titwettaq il-ġimgħa d-dieħla, bit-twaqqif ta’ Credit Review Office, li se jindirizza s-sitwazzjoni ffaċċjata minn investituri Maltin. Qal li dan huwa strument indipendenti li se jaħdem bħala medjatur bejn il-klijent u l-bank, biex jiżgura li l-proċess tas-self ikun trasparenti u effettiv.
Ħabbar ukoll li fil-jiem li ġejjin se ssir l-inawgurazzjoni ta’ għodda ġdida fjamanta għall-futur tal-imprenditorija f’pajjiżna – il-high performance computer se jopera mid-DiHubMT, immexxi mill-MDIA, li se jgħolli l-livelli ta’ kapaċità tekonoloġika f’Malta.
Il-Prim Ministru qal li s-suċċess ekonomiku dejjem seħħ għax il-Gvern kien fuq quddiem tat-tiġrija u ċ-ċokon ta’ pajjiżna qed ikun vantaġġ għalina. Temm jgħid li Gvern Laburista huwa l-unika garanzija għall-futur tal-ħaddiema, il-familji u n-negozji.