Tuesday, April 23, 2024

Għaddejjin bid-diskussjonijiet biex il-Ħadd l-ispiżerji ma jiftħux biss fin-nofstanhar ta’ filgħodu

Aqra wkoll

“Għaddejjin bid-diskussjonijiet mal-istakeholders konċernati biex l-ispiżeriji nhar ta’ Ħadd mhux biss se jibqgħu jiftħu fin-nofstanhar ta’ filgħodu imma l-ispiżeriji bir-roster jibdew jiftħu anke wara nofsinhar ukoll biex b’hekk il-poplu Malti u Għawdxi jkun moqdi mill-ispiżeriji fil-komunità l-ġimgħa kollha nkluż il-Ħadd wara nofsinhar.” 

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt kollegament virtwali l-Ħadd filgħodu matul il-konferenza organizzata mill-Partit Laburista. 

Matul l-intervent tiegħu huwa qal ukoll se jiddaħħlu numru ta’ mediċini ġodda fuq il-formularju tal-gvern.

F’dan ir-rigward huwa qal: “Wara li s-sena li għaddiet daħħalna mediċina ġdida tal-prostata, li eluf ta’ rġiel ibbenefikaw minnha,  u wara li daħħalna l-mediċina tac-cystic fybrosis, se nkunu qed indaħħlu mediċini ġodda fuq il-formularju tal-gvern għall-fibromyalgia, għall-osteoporosi, ix-xiralto u se jiddaħħlu wkoll mediċini ġodda fil-formularju tal-gvern għas-saħħa mentali, għall-mard tal-ġilda u kif ukoll mis-sena d-dieħla se tingħata mingħajr ħlas il-mediċini kollha tal-IVF.”

Semma wkoll kif għaddej proċess biex fil-ġimgħat li ġejjin ikollna dak li jissejjaħ ‘Crises Intervention Service’ fejn ikun hemm tim apposta f’każiijiet ta’ problemi ta’ saħħa mentali akuti  li jkun jista’ jmur id-dar tal-persuni konċernati.

Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li l-proġett pilota ta’ screening fost tfal bid-dijabete issa ġie estiż. Qal li dawk it-tfal kollha taħt is-16-il sena bid-dijabete se jibqa’ jkollhom is-servizz tal-glucose monitor u fix-xhur li ġejjin se jiġi mħabbar kif se jiġi estiż għal snin akbar minn 16-il sena.

Semma wkoll li s-servizzi sesswali mhux se jibqgħu biss jingħataw minn Mater Dei imma għaddejjin bi programm biex f’numru ta’ ċentri tas-saħħa  u saħansitra ġewwa bereġ, ikun hemm servizz komunitarju sesswali.

Huwa tkellem dwar il-pandemija fejn qal li madwar id-dinja l-pandemija sabet il-maġġoranza, jekk mhux is-sistemi tas-saħħa kollha, mhux preparati għaliha. Qal li ftit jew ħadd ma jien jippretendi li f’dawn is-sentejn li għaddew se jkollna dan ir-rebus sħiħ madwar id-dinja b’dan il-mikrobu li nfirex u miss il-ħajja ta’ kulħadd.

“Malta wkoll, pero Malta għax għandna s-sistema tas-saħħa u għax kabbarna sistema tas-saħħa reżistenti, b’saħħitha u robusta, u professjonisti tajbin li kapaċi jqumu għall-okkażjoni, Malta litteralment għamilna l-mirakli.”

Innota kif f’temp ta’ ftit xhur infetħu ħames ITUs ġodda bil-makkinarju kollu li kien hemm bżonn u infermiera u tobba mħarġin. Qal li ma kienx hemm, u m’hemmx pazjent wieħed, kemm damet il-pandemija li ma ħax il-kura sal-livell li kellu bżonn jiħodha ġewwa l-isptar tagħna.

Fearne qal: “Mhux l-istess madwar id-dinja iżda aħna qomna għall-okkażjoni. Illum madwar id-dinja, meta jridu juru eżempju ta’ kif kellha u għandha tiġi mmaniġjata l-pandemija, isemmu lil Malta. Dan jagħmilna unur kbir. Meta ġejna għas-siegħa tal-prova, is-servizz tas-saħħa tagħna qam għall-okkażjoni.”

Żied jgħid: “Għal numru ta’ xhur, bħalma ġara u għadu jiġri f’ħafna pajjiżi oħra, tlifna numru ta’ appuntamenti u servizzi għax konna qed nitfu r-riżorsi kollha biex inħejju lilna nfusna għall-pandemija. Issa għaddejjin minn perjodu intensiv dak li ngħidulu ‘catch-up’ fejn irridu nlaħħqu  mal-operazzjonijiet, mat-testijiet u s-servizzi illi konna pposponejna.”

Huwa għamel ukoll appell lill-unjins kollha: “Iż-żmien għadu mhux faċli. Irridu nlaħħqu biex nirkupraw lura dak li tlifna f’numru ta’ xhur is-sena l-oħra. Qed jirnexxielna nagħmluh għax għandna staff li huwa kompetenti u ddedikat. Għandna bżonn il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd. Konvint li kulħadd hekk irid u kollha flimkien nistgħu nġibu lura dak li tlifna matul il-pandemija.”

Tkellem ukoll dwar il-fatt li mhux il-Covid-19 biss jeżisti imma hemm mard ieħor. Qal li l-gvern u s-servizzi tas-saħħa tagħna ma kkonċentrax biss fuq il-Covid-19. Semma kif bħala Gvern qed jippruvaw biex kemm jista’ jkun il-kura tingħata viċin tan-nies fil-komunità.

Qal li għalhekk ġewwa kull belt u raħal qegħdin jiftħu u jirrinovaw numru ta’ bereġ. Żied jgħid li l-ġimgħa li ġejja, għall-ewwel darba, fil-Belt Valletta se jkun hemm berġa li se tkun qed taqdi l-ħtiġijiet tal-poplu Belti. Semma kif sa Marzu li ġej se jkun hemm ċentru tas-saħħa ġdid ġewwa r-Rabat Għawdex.

Sport