Saturday, March 21, 2026

Għaddejjin diskussjonijiet dwar tnaqqas tal-VAT għar-ristoranti

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel (ACE) fi stqarrija ċċarat li għaddejjin diskussjonijiet mal-gvern sabiex jiġi determinat l-aħjar mod kif tista’ tiġi ntrodotta l-miżura li titnaqqas il-VAT fuq ir-ristoranti u l-kjoskijiet.

L-ACE stqarret il-qbil tagħha mal-kummenti riċenti mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, li kwalunkwe riforma sinifikanti f’dan is-settur teħtieġ approċċ olistiku wieħed li jinvolvi koordinazzjoni bir-reqqa mal-awtoritajiet fiskali, inkluż id-Dipartiment tal-VAT u l-Ministeru għall-Finanzi kif ukoll reviżjoni usa’ tal-liċenzjar, il-konformità, u l-istrutturi operattivi.

L-ACE qalet dan b’reazzjoni għad-dikjarazzjonijiet riċenti dwar it-tnaqqis tal-VAT għal 7% għar-ristoranti u l-kjoskijiet, filwaqt li laqgħet l-impenn tal-Kap tal-Oppożizzjoni li gvern futur tal-Partit Nazzjonalista fl-ewwel mitt jum tiegħu jnaqqas il-VAT għal 7% għar-ristoranti u l-kjoskijiet fl-ewwel 100 jum fil-kariga. 

Fl-istqarrija, iffirmata mill-President tagħha Michelle Muscat, filwaqt li fakkret li miżura bħal din kienet prijorità fuq l-aġenda tal-assoċjazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, l-Assoċjazzjoni stiednet lill-oppożizzjoni għal diskussjonijiet biex tifhem aħjar il-mod kif tali miżura tiġi introdotta fiż-żmien imħabbar.

L-ACE għamlet riferenza wkoll għal dak li ġie rrappurtat minn diversi midja lokali dwar l-impatt li miżura bħal din ikollha fuq il-konsumatur finali. Kif tenniet matul dawn l-aħħar snin, l-ACE qalet li din hija miżura biex primarjament tappoġġja l-industrija tal-catering u l-konsumatur finali huwa benefiċjarju indirett.

L-istqarrija tal-ACE enfasizza l-ħtieġa għas-sens komun dwar il-kwistjoni u li jiġi evitat li d-dibattitu jinbidel fl-aġenda politika ta’ xi partit lokali. Temmet illi kwistjoni daqshekk importanti tixraqilha diskussjoni kostruttiva bejn il-partijiet kollha kkonċernati sabiex jiġi żgurat il-benesseri tal-industrija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport