Wednesday, November 6, 2024

Għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet ta’ rinovar f’binja fix-Xewkija li se jsir one-stop-shop għall-volontarjat f’Għawdex

Aqra wkoll

Ix-xogħlijiet ta’ titjib fiċ-Ċentru tal-Volontarjat fix-Xewkija miexi ġmielu, fejn bħalissa qed isir investiment sabiex l-għaqdiet volontarji Għawdxin ikunu moqdija b’faċilitajiet u riżorsi aġġornati.

Apparti li jservi ta’ uffiċċju għall-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, dan iċ-ċentru jilqa’ s-Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) u jintuża wkoll mill-għaqdiet irreġistrati bħala VOs fejn jistgħu jużaw dan l-ispazju sabiex jiltaqgħu u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom.

Iċ-ċentru għandu jkun lest fix-xhur li ġejjin. Apparti dan, kif jitlestew ix-xogħlijiet, iċ-Ċentru se jservi wkoll bħala one-stop-shop ta’ għajnuna u appoġġ lill-voluntiera u għaqdiet volontarji Għawdxin. Dan se jikkumplimenta t-tliet ċentri li diġà jaħdmu b’dan il-mod f’Malta, li jinsabu fil-Belt, ir-Rabat u Birkirkara.

Julia Farrugia, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur. akkumpanjata minn Clint Camilleri, Ministru għal Għawdex, żaret il-post u segwit ix-xogħol li għaddej bħalissa.

“L-iżvilupp u l-immodernizzar li qiegħed isir f’dan iċ-Ċentru jirrifletti mhux biss twettiq ta’ wegħda elettorali oħra fejn jikkonċerna s-settur tal-volontarjat imma jirrifletti wkoll kemm ħidmet il-volontarjat hija apprezzata. Spiss nirreferi għall-qasam tal-volontarjat bħala teżor nazzjonali li għandna ngħożżuh u li għandna nibżgħu għalih.

Insostni dan għax din hija r-realtà. L-ispalla li joffri l-volontarjat fid-diversi oqsma tal-ħajja ta’ kuljum fil-komunitajiet tagħna mhux faċli tkejjilha. U allura huwa dover tagħna bħala Gvern li nirreċiprokaw l-ispalla li joffru l-għaqdiet volontarji bi spalla min-naħa tagħna. Għalhekk id-diversi skemi ta’ għajnuniet finanzjarji biex minnhom jibbenefikaw l-għaqdiet volontarji.

Tul dawn l-aħħar 15-il sena l-Gvern investa madwar €14-il miljun fil-qasam tal-volontarjat. Ħarsa lejn il-Budget għas-sena 2024 turi li se nkomplu f’din it-triq ta’ rikonoxximent lejn settur li fid-diversità ta’ ħidmietu huwa mutur soċjo-ekonomiku komunitarju”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Hija żiedet tgħid li minn dan il-post permezz tas-sistema ta’ one-stop-shop, l-għaqdiet volontarji Għawdxin, partikolarment dawk żgħar u medji li jiddependu minn għajnuna għall-operat tagħhom, se jkunu qegħdin isibuha taħt saqaf wieħed.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal, “Għamilna xogħol estensiv ta’ manutenzjoni u tisbiħ taċ-Ċentru għall-Għaqdiet Volontarji fix-Xewkija li se jkun l-ewwel one-stop-shop għall-għaqdiet volontarji f’Għawdex u li tant kien bżonnjuż sabiex dawn l-għaqdiet isibu l-għajnuna għal ħidmiethom f’post wieħed.”

Huwa spjega li dan iċ-Ċentru qed jiġi rinovat mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tal-Operat fil-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni wkoll mal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur sabiex tkompli tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-għaqdiet volontarji f’Għawdex.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li dan ikompli jixhed il-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex sabiex kontinwament isaħħaħ il-qasam tal-volontarjat anki f’Għawdex.

F’kumment waqt din iż-żjara, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, is-Sur Mauro Pace Parascandalo, qal li huwa sabiħ li tara kollaborazzjoni bejn Ministeri u entitajiet differenti li lkoll jaħdmu b’għan wieħed.

Dak li ntejbu u noħolqu servizzi li jgħinu lil min jiġi bżonnhom fil-qasam tal-volontarjat, fejn fl-aħħar mill-aħħar inkunu qegħdin ngħinu u nagħmluha possibbli li ħafna proġetti u inizjattivi fil-komunitajiet, f’dan il-każ Għawdxin, ikunu attwati għall-ġid ta’ kulħadd.

Sport