Ix-xogħlijiet fuq il-Ġnien tal-Marina fil-Pietà, li qed jiġi rriġenerat permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) u Ambjent Malta wasal fl-aħħar fażi tiegħu.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli insistiet fuq l-importanza tar-riġenerazzjoni ta’ dan il-ġnien biex ikun aċċessibbli għall-familji u l-komunità.
“B’din ir-riġenerazzjoni qed inġeddu ġnien storiku u noħolqu spazju sigur, modern u aċċessibbli għal kulħadd; minn familji u anzjani sa dawk li jużaw ir-roti jew imorru jiġru. Apparti l-ħidma ma taqta’ xejn fuq l-ispazji ġodda, qed naraw li nkomplu b’xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni biex spazji eżistenti jintużaw kif suppost,” qalet il-Ministru Dalli.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi flimkien mat-tim tekniku tal-Korporazzjoni, u min-naħa ta’ Ambjent Malta, id-Direttur Ġenerali Herman Galea u d-Direttur għall-proġetti ambjentali Josianne Muscat, kif ukoll s-Sindku tal-Pietà Stefano Savo.
Ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni fuq dan il-ġnien, li jkopri 4,400 metru kwadru, jinkludi il-ħolqien ta’ greenway ta’ madwar 210 metru għall-użu ta’ sewwieqa ta’ roti u joggers. Dan il-passaġġ jiżgura aċċess mingħajr ostakli u jnaqqas ir-riskju għal min ikun qed juża l-ġnien għal finijiet ta’ rikreazzjoni.
Madwar 980 metru kwadru ta’ passaġġi ġew mibdula, filwaqt li sar titjib fil-faċilitajiet rikreattivi, il-funtana u s-sistema tad-dawl tal-ġnien. Qed isir ukoll restawr u manutenzjoni fuq il-monumenti preżenti. Ambjent Malta għaddejja fuq xogħlijiet ta’ tisbiħ fejn se tkun qed tħawwel diversi siġar, arbuxelli u pjanti staġjonali. Biex jikkumplimenta dawn ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ, Ambjent Malta se tkun qed tinstalla sistema ta’ irrigazzjoni li se tippermetti t-tisqija għall-pjanti mħawla kemm fix-xhur sħan tas-sajf u dawk xitwin.
“Il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ dan il-ġnien kien wieħed bżonjuż u ambizzjuż. Sodisfatt li nżammu l-karatteristiċi oriġinali tal-ġnien u li żdiedu l-ispazji ta’ rikreazzjoni adattati għal kull età. Ġew maħluqa żoni fejn it-tfal jistgħu jilagħbu u jirrikreaw ruħhom, spazji għal attivitajiet fiżiċi għal kulħadd, kif ukoll postijiet fejn wieħed jista’ jistrieħ u jirrilassa f’ambjent sabiħ,” qal is-Sindku tal-Pieta Stefano Savo.
Din l-inizjattiva tkompli tgħaqqad mal-katina ta’ proġetti oħra biex iż-żona tal-Port il-Kbir tkun mgħammra b’promenade kontinwu, modern u sigur.