Sunday, December 28, 2025

“Għaddejna d-dokumentazzjoni kollha u qed nikkoperaw mal-awtoritajiet Torok”

...protesti fil-Libja dwar l-inċident li fih miet il-Ġeneral Libjan Al Haddad

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-każ tal-inċident li wassal għal waqa’ ta’ ajruplan reġistrat f’Malta fit-Turkija, liema inċident wassal biex ħames passiġġieri u tliet membri tal-ekwipaġġ tilfu ħajjithom fosthom  il-Ġeneral Mohammed Al-Haddad, il-Kap tas-Segretarjat tal-Armata Libjana, qiegħed joħloq għadd kbir ta’ domandi. Il-każ li hu mdawwar b’għadd ta’ ċirkostanzi misterjużi u għalhek qegħdin jitqajmu għadd ta’ domandi, jidher li qiegħed ikun investigat fuq diverși fronti. Sorsi diplomatiċi li tkellmu ma’ IT-TORĊA, infurmaw lil IT-TORĊA li mhumiex biss l-awtoritajiet Torok li qegħdin jinvestigaw il-każ. L-istess sorsi qalulna li proprju fl-aħħar sigħt investigaturi Franċiżi, marru fuq il-post biex jinvestigaw.

L-ajruplan li waqa’ kien reġistrat f’Malta u kien tat-tip Falcon 50. Sorsi li tkellmu magħna qalulna li ma kienx hemm problemi bl-ajruplan f’titjiriet li saru qabel. IT-TORĊA tkellmet mal-kumpanija Harmony Jets, li hi l-proprjetarja ta’ dan l-ajruplan. Mitlub jikkummentaw dwar dan il-każ, il-kumpanija qaltilna li bħalissa hemm investigazzjonjiet għaddejjin mill-awtoritajiet konċernati.

Rappreżentanta għall-kumpanija qaltilna li “l-inċident bħalissa qed jiġi investigat mill-awtoritajiet rilevanti. Id-dokumentazzjoni kollha mitluba ġiet ipprovduta, u qed nikkooperaw b’mod attiv billi nwieġbu għal kull talba u nkomplu nappoġġjaw lill-familji affettwati.  Kwalunkwe talba rigward l-investigazzjoni għandha tiġi indirizzata lid-Direttorat Ġenerali Tork tal-Avjazzjoni Ċivili (DGCA), li qed imexxi l-proċess. Nitolbu b’rispett li tiġi evitata l-ispekulazzjoni sakemm titlesta l-investigazzjoni uffiċjali u s-sejbiet tagħha jsiru pubbliċi. Kif jista’ jinftiehem, dikjarazzjonijiet mhux verifikati jistgħu jikkawżaw uġigħ addizzjonali lill-familji u lill-maħbubin li qed isegwu r-rappurtar pubbliku mill-qrib. Fid-dawl ta’ dan, u b’rispett għall-proċess investigattiv u dawk affettwati, se nżommu lura milli nipprovdu aktar kummenti sakemm l-awtoritajiet jikkonkludu l-investigazzjoni tagħhom.”

Intant sorsi diplomatiċi qegħdin iqajmu għadd ta’ domandi dwar dan l-inċident fatali. L-istess sorsi qalulna li fil-każ daħlu l-awtoritajiet Franċiżi għax kemm il-kaptan u anke l-kopilota tal-ajruplan li ġġarraf, it-tnejn huma ċittadini Franċiżi u inqatlu fl-inċident.  L-istess sors spjegalna li l-awtoritajiet Franċiżi qegħdin f’kuntatt mal-familji tal-vittmi permezz tal-Ambaxxata Franċiża fit-Turkija u ċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Kriżi u Appoġġ. L-istess sorsi qalulna li l-Uffiċċju Franċiż tal-Investigazzjoni u l-Analiżi għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili qed jieħu sehem fl-investigazzjoni mnedija mill-awtoritajiet Torok. Tliet investigaturi Franċiżi vvjaġġaw lejn iil-post fejn iġġarraf l-ajruplan, akkumpanjati minn esperti tekniċi minn Harmony Jets, is-sid tal-ajruplan, u Dassault Falcon, il-manifattur tal-ajruplan”.

Il-każ seħħ proprju nhar it-Tlieta filgħaxija, fejn immedjatament wara li seħħ il-każ l-awtoritajiet Torok ikkonfermaw li l-Ġeneral Mohammed Al-Haddad, li hu l-Kap tas-Segretarjat tal-Armata Libjana kien fost il-vittmi. L-ajruplan iġġarraf ftit wara t-tluq tiegħu minn Ankara fit-Turikija. Id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta kkonferma li fuq l-ajruplan kien hemm ħames passiġġieri u tliet membri tal-ekwipaġġ. 

Kollox jindika, għalkemm dan irid jiġi stabbilit mill-inkjesta li l-jet privat, rrapporta ħsara teknika u talab li jagħmel inżul ta’ emerġenza ftit qabel ma nqata’ kull kuntatt mat-Torri tal-Kontroll f’Ankara. 

Sa issa hu kkonfermat li l-kaxxi s-suwed tal-ajruplan instabu kmieni l-Erbgħa filgħodu u minnufih bdiet analiżi tal-informazzjoni li tinsab fihom.

Il-Prim Ministru Libjan Abdulhamid Dbeibah fisser il-mewt tiegħu bħala telfa kbira għan-nazzjon.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport