Bħal lum 35 sena kien inbeda l-ħtif tal-ajruplan tal-Egyptair minn terroristi tal-grupp Palestinjan Abu Nidal, liema ajruplan kien tniżżel f’Malta.

Dan hu meqjus bħala wieħed mill-agħar każi ta’ ħtif ta’ ajruplani. Suldati Eġizzjani kienu ngħataw permess mill-Gvern biex jaħbtu għall-ajruplan waqt li kien wieqaf fl-ajruport ta’ Ħal Luqa. Kienu mietu 58 passiġġier u żewġ terroristi. Wieħed mit-terroristi kien spiċċa l-isptar fejn imbagħad kien intgħaraf minn xi persuni li kienu jiddewwew u huma infurmaw li kien wieħed mit-terroristi.

Uħud minn dawk li kienu preżenti, fl-aħħat sigħat fakkru partijiet mill-esperjenzi tagħhom li se “jġorruhom magħhom sal-qabar”.
Wieħed mill-ħaddiema fil-Ħangar tal-Air Malta fil-qrib qal li kienet xena tal-films, intefa’ d-dawl, splużjoni, ħruq sparar u nies jiġru u jinqatlu. L-għada filgħodu x-xena xejn ma qalbet għall-aħjar, b’suldati tal-AFM iġorru l-vittmi fuq twavel tal-injam. L-ajruplan tqatta’ għall-ħadid u xi materjal inżamm. Xi oħrajn qalu li minkejja li mhu se jinsew qatt din l-esperjenza “Għamilna xhur noħolmu bid-dehra ta’ nies jiġru għal ħajjithom”.
Persuna oħra kitbet li sa jiem wara l-post kien miksi bi twiebet tal-vittmi mferrxin fl-art.
