Fit-13 ta’ Marzu 1996, Dunblane, l-Iskozja, esperjenzat traġedja li kienet se tbiddel ir-Renju Unit għal dejjem.
Dakinhar, għall-ħabta tad-9.30 a.m., Thomas Hamilton, ta’ 43 sena, qata’ l-cables fuq arblu tat-telefon u daħal fl-Iskola Primarja ta’ Dunblane mid-daħla prinċipali u mexa lejn il-gym fejn 29 tifel u tifla tal-ewwel sena (ta’ 5 u 6 snin) kienu miġburin biex jibdew il-lezzjoni tal-PE tagħhom. Huwa beda jispara lejn it-tfal u l-għalliema u sfortunatament qatel 16 minnhom u għalliema waħda.
Barra minn hekk, 12-il tifel u tifla u tliet adulti oħra sfaw midrubin. It-tfal kollha li ġew attakkati dakinhar ħlief tnejn, kienu ta’ 5 u 6 snin. Il-qattiel eventwalment qatel lilu nnifsu wkoll.
L-isparatura damet inqas minn erba’ minuti. L-attakkant kellu miegħu erba’ pistoli. Il-mottiv għall-massakru qatt ma ġie skopert.
Din it-traġedja tibqa’ l-aktar sparatura fatali tal-massa fl-istorja Brittanika. Dak li ġara dakinhar biddel il-ħajjiet ta’ eluf, u biddel il-pajjiż għal dejjem.
Minn din it-traġedja ‘l hawn, 750,000 firma, u ittra miktuba minn omm ta‘ wieħed mit-tfal inkitbu f’żewġ gazzetti nazzjonali.
Hekk kif qed noqorbu lejn it-30 anniversarju tat-traġedja, Channel 4 ġabar intervisti ma’ dawk relatati mal-vittmi f’film ta’ 90 minuta li jismu “The Dunblane Tapes.”
Illum, niftakru fil-vittmi. Brett Mckinnon, Charlotte Dunn, David Kerr, Emily Morten, Emma Crozier, Hannah Scott, Joanna Ross, John Petrie, Kevin Hassell, Megan Turner, Melissa Currie, Mhairi MacBeath, Ross Irvine, Sophie North, Victoria Clydesdale, Abigail McLellan, u Gwen Mayor.
Ħsibijiet u talb għall-familji u l-maħbubin tal-vittmi

