Wednesday, September 3, 2025

Għadha taħkem il-biża’ wara t-terremot fl-Afganistan

Aqra wkoll

Ħafna minn dawk li salvaw mit-terremot qawwi li qatel aktar minn 1,400 ruħ u darab eluf oħra fil-Lvant tal-Afganistan qattgħu lejl fil-beraħ fost biża’ kbir li għadha taħkem fosthom. Dan filwaqt li l-isforzi ta’ salvataġġ għadhom għaddejjin.

Ħafna mill-imwiet seħħew fil-provinċja muntanjuża ta’ Kunar, li kienet l-eqreb tal-epiċentru tat-terremot b’qawwa ta’ 6.0 li seħħ il-Ħadd filgħaxija. L-uffiċjali għadhom iwissu li l-għadd ta’ mwiet jista’ jiżdied b’mod sinifikanti hekk kif irħula sħaħ inqerdu.

Diversi nazzjonijiet diġà wiegħdu li se jagħtu l-għajnuna tagħhom, filwaqt li xi rħula għadhom inaċċessibbli u l-faċilitajiet tas-saħħa lokali spiċċaw bi pressjoni kbira.

Dan id-diżastru seħħ fi żmien meta l-Afganistan qed ibati minn nixfa kbira u tnaqqis fl-għajnuna ta’ dak li l-Programm Dinji tal-Ikel jiddeskrivi bħala kriżi tal-ġuħ bla preċedent.

It-terremot laqat f’nofsillejl ħin lokali nhar il-Ħadd, madwar 27 kilometri fil-lvant ta’ Jalalabad – il-ħames l-akbar belt tal-pajjiż, fil-provinċja ta’ Nangarhar fil-lvant. Fir-reġjun ta’ Nurgal, 95% ta’ wieħed mill-irħula kien inqered, b’ħames sa għaxar persuni midruba f’kull dar.

Kunar, reġjun imħatteb u muntanjuż b’art agrikola limitata, sofra l-agħar ħsara. It-toroq fiż-żona spiss ikunu mogħdijiet tat-tajn li jduru madwar il-muntanji, filwaqt li d-djar huma magħmula mit-tafal, ġebel u tajn. Ir-reġjun iffaċċja wkoll għargħar u valangi massivi fl-aħħar ftit jiem, li mblukkaw l-aċċess għal ħafna żoni.

Bit-toroq imblukkati, l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ tal-gvern kellhom isiru bl-ajru, bit-timijiet f’ħelikopters li setgħu jaslu fiż-żoni milquta biss nhar it-Tnejn filgħodu. Ġw irrappurtati każijiet ta’ nies maqbuda taħt it-tifrik għal sigħat u mietu waqt li kienu qed jistennew li jaslu l-persuni tas-salvataġġi.

Iċ-Ċna, l-Indja, ir-Renju Unit u l-Iżvizzera wiegħdu donazzjonijiet ta’ għajnuna. Il-finanzjament ta’ emerġenza tar-Renju Unit se jgħin biex jitwasslu kura tas-saħħa kritika u provvisti ta’ emerġenza lil dawk li ntlaqtu l-aktar.

L-Afganistan ilu taħt il-kontroll tat-Taliban minn Awwissu 2021 u l-gvern tagħhom huwa rikonoxxut biss mir-Russja. Fi sfond ta’ dan, diversi aġenziji tal-għajnuna u organizzazzjonijiet mhux governattivi ssospendew ix-xogħol tagħhom fl-Afganistan meta l-grupp Iżlamiku estrem reġa’ lura fil-poter.

Il-biċċa l-kbira tad-donazzjonijiet barranin lill-Afganistan ġew sospiżi wkoll u s-sanzjonijiet internazzjonali, li jmorru lura għal meta t-Taliban kienu fil-poter għall-ewwel darba fis-snin disgħin, għadhom fis-seħħ għalkemm saru eżenzjonijiet għall-għajnuna umanitarja.

Terremoti f’fond baxx huma komuni fl-Afganistan, partikolarment fl-għoljiet tal-Ħimalaja fejn il-pjanċi tettoniċi qed jiżżerżqu u jitbegħdu minn ħdejn xulxin.

Fl-2023, sensiela ta’ terremoti fil-provinċja ta’ Herat qatlu aktar minn 1,000 ruħ, wara li madwar 2,000 kienu inqatlu fil-provinċja ta’ Paktika s-sena ta’ qabel. 

L-aħħar terremot li kien ukoll fatali kien seħħ f’fond ta’ 8 kilometri u nħass sa 140 kilometri ’il bogħod mill-kapitali Kabul kif ukoll fil-Pakistan. Biex jiġi kklassifikat bħala f’fond baxx, terremot irid iseħħ inqas minn 70 kilometri taħt il-wiċċ l-art.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport