L-Isqof Mario Grech, lbieraħ sa Kardinal f’dan il-jum storiku hu spjega li baqa’ msaħħar bir-reazzjoni tal-poplu Malti għat-tħabbira li kien se jinħatar Kardinal. Spjega li bħala pajjiż għad għandna ħafna tajjeb fil-Knisja u fil-pajjiż. L-Isqof Emeritu ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech li għandu ta’ 62 sena, sar Kardinal flimkien mat-12-il porporati oħra se jsiru Kardinali waqt il-Konċistorju, illum waranofsinhar.
Permezz ta’ din il-kariga, Mons. Grech se jkun it-tielet Kardinal Malti u se jkollu vot sabiex jivvota fil-konklavi.
Fil-messaġġ tiegħu hu qal li “nistqarr magħkom li bqajt ftit imsaħħar bir-reazzjoni ta’ ġensna għat-tħabbira li għamel il-Papa Franġisku meta qal li ser iseħibni fil-Kulleġġ tal-Kardinali tal-Knisja. Smajt mhux ftit jgħidu li bkew bil-ferħ meta fuq fomm il-Papa semgħu l-isem ta’ wieħed minn ħuthom! Nistħajjel li dakinhar l-għajta ta’ Franġisku dwiet fil-qalb ta’ ħafna u l-eku tagħha li nfirex fid-djar, fuq il-postijiet tax-xogħol, fl-isptarijiet, fit-toroq u l-bqija nissel il-faraġ u t-tama. Ħafna ħassew sens ta’ sodisfazzjon għax ladarba l-Papa ftakar fina wkoll waqt li kien qed jaħseb dwar “konċistorju”, li huwa l-ogħla organu fil-Knisja li miegħu jikkonsulta, ifisser li, minkejja ċ-ċokon tagħna, jaf bina u jġibna!”
Saħaq li “ċed ngħid dan mhux bi ftaħir imma b’sens ta’ apprezzament għall-ħafna tajjeb li għandna kemm bħala Knisja u kemm bħala pajjiż; b’sens ta’ rikonoxximent lejn dawk ta’ qabilna, fil-Knisja u fis-soċjetà ċivili; u b’sens ta’ responsabbiltà għalina biex nieħdu ħsieb inkattru t-tajjeb li għandna filwaqt li nnaqqu l-ħaxix ħażin li jitfaċċa maż-żmien.”
Tenna li “l-fewġa friska li ġiet fuqna ma’ din l-aħbar tfisser li fil-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin il-Knisja għadha tagħmel ħoss. Il-Knisja, minkejja d-difetti u l-iżbalji, għad għandha l-għeruq fil-qalb ta’ ġensna. Is-sinjali juru li l-Knisja fadlilha post f’nofsna. Kieku żmienha għadda, kieku fostna ħa jkun hemm daqshekk nies li nhar ta’ Ħadd f’nofsinhar isegwu fuq it-televiżjoni l-messaġġ tal-Papa u jitolbu l-Angelus miegħu? Kieku l-Knisja ma għadhiex relevanti għall-Maltin u l-Għawdxin, kieku se jkun hawn dan l-interess fl-għażliet li jagħmel il-Papa?
Naturalment hemm “mudell” ta’ Knisja u stil ta’ ħajja ekkleżjali li għadda żmienhom; huwa veru wkoll li jekk ma noqogħdux attenti kliemna jaf jaqa’ fuq widnejn torox. Imma meta niġu għas-sugu, il-poplu jaf jesprimi x’inhi l-fidi tiegħu. Kif jikteb il-Papa Franġisku, il-poplu ta’ Alla “meta jemmen ma jiżbaljax, anki jekk ma jsibx il-kliem biex jesprimi l-fidi tiegħu” (EG, 119).”
Enfasizza li “importanti għalhekk li l-fjamma tal-fidi fi Kristu tibqa’ tixgħel fil-qlub tagħna u fil-familji tagħna. Ir-reazzjoni li ġiet innutata fil-jiem li għaddew hija indikatur ċar li Kristu għadu jgħammar magħna. Imqar jekk nixtiequ li tbatti xi ftit il-qasma bejn it-twemmin u l-ħajja prattika, li s-sehem tagħna fil-ħajja liturġika jissaħħaħ fin-numru u l-kwalità, nemmen li Kristu għadu jqajjem fina l-mistoqsijiet kruċjali. Nemmen li anki dawk fostna li telgħu fil-Knisja imma issa “telquha”, għadhom ma telqux lil Ġesù. Ngħid dan għax anki persuni ta’ din ix-xorta wrew l-apprezzament tagħhom għal din il-ġrajja.”
Kompla jgħid li “bħala appoġġ għall-fidi Nisranija, inħeġġiġkom tagħtu widen għal ħuti l-Isqfijiet tagħkom. L-għaqda mal-isqfijiet hija garanzija biex ma niżbaljawx meta rridu nagħrfu dak li l-Ispirtu jrid jgħid lill-Knejjes miġbura f’Malta u Għawdex. Fi kliem il-Papa Franġisku, “l-importanti hu li ma nimxux waħidna, li nserrħu dejjem fuq ħutna u speċjalment fuq id-dawl li jagħtuna l-Isqfijiet, f’dixxerniment pastorali għaref u realistiku” (EG, 33).”
“Nixtieq li l-ispirtu pożittiv li nħass f’dawn il-jiem jinbidel f’talba għalija biex fid-dgħufija tiegħi nkun għodda tajba. Il-kelma “kardinal” ġejja mill-kelma cardine li tfisser ‘pern’ li fuqu jdur kollox. Għalhekk jien ġejt imsejjaħ biex fl-uffiċċju tiegħi bħala kardinal ngħin lill-Knisja tkun dan il-pern billi tkompli tgħin lill-bnedmin jidħlu f’relazzjoni ma’ Ġesù Kristu li huwa l-fus prinċipali li fuqu sserraħ il-ħajja tagħna individwalment u kollettivament. Jien konvint li jekk Kristu jkun iċ-ċentru tal-ħajja, imbagħad iseħħu riformi kbar; imma ebda riforma ma tista’ titwettaq (fil-ħajja personali, familjari, soċjali, politika, ekonomika u ekkleżjali) jekk dan il-fus ikun nieqes” temm jgħid il-Kardinal Grech