Id-Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li, “għadna mhux hemm, imma t-tmien jinsab fil-qrib”. Hu qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet virtwali dwar il-pandemija tal-Covid-19, liema dikjarazzjoni kienet l-iktar waħda ottimista li l-WHO qatt għamlet f’dawn l-aħħar sentejn ta’ kriżi globali ta’ saħħa.
Il-WHO kienet iddikjarat il-Covid-19 bħala emerġenza internazzjonali lura f’Jannar tal-2020, u tliet xhur wara ddikjarat dan il-virus bħala pandemija. Il-virus kien feġġ l-ewwel darba fiċ-Ċina fl-aħħar xhur tal-2019, u sfortunatament minn dakinhar ’il hawn 6.5 miljun persuna tilfu ħajjithom filwaqt li 606 miljuni ġew infettati. Apparti l-imwiet, din il-pandemija ħalliet impatt qawwi fuq l-ekonomija globali u anke fuq is-sistemi tas-saħħa.
In-Nazzjonijiet Uniti qalet li t-tilqim għen ħafna biex jitnaqqsu l-imwiet u l-persuni li kellhom jiddaħħlu fl-isptarijiet, filwaqt li l-varjant Omicron – li feġġ u ddomina tard is-sena li għaddiet – ma kienx b’saħħtu bħall-virus oriġinali. Ir-rapport tan-NU qal li n-numru ta’ mwiet li kien hemm matul il-ġimgħa li għaddiet kien l-inqas wieħed minn Marzu tal-2020.
Minkejja dan, Ghebreyesus għal darb’oħra ħeġġeġ lill-pajjiżi biex xorta waħda jibqgħu viġilanti hekk kif hu qabbel lil din il-pandemija ma’ maratona. Huwa tenna li l-pajjiżi jeħtieġ li jitgħallmu minn din il-pandemija u jkunu preparati għal pandemiji oħrajn li jista’ jkun hemm fil-futur.