Monday, March 9, 2026

“Għadni ħiereġ minn għaxar snin ħabs, ħa nerġa’ nidħol? Għajjejt” 

– raġel akkużat b’attakk b’sikkina fil-Pietà

Aqra wkoll

Raġel ta’ 41 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-qorti akkużat li darab persuna b’sikkina waqt argument fil-Pietà, b’konsegwenza li l-vittma sofriet ġrieħi gravi.

“Għadni ħiereġ minn għaxar snin ħabs, ħa nerġa’ nidħol? Għajjajt.” Dan kien il-kliem li qal Clyde Bonavia, raġel ta’ 41 sena, li tressaq il-qorti akkużat li darab raġel ieħor b’sikkina waqt argument fil-Pietà.

Il-każ ħareġ wara li l-pulizija ġew infurmati miċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana li kien daħal raġel b’feriti f’wiċċu kkawżata minn daqqa ta’ sikkina.

Meta tkellmu mal-vittma, dan spjega li kien qed jagħmel programm ta’ detox fil-Pietà meta ltaqgħa mal-imputat. Bejn it-tnejn allegatament qamet kwistjoni dwar xi drogi sintetiċi u l-argument eskala.

Skont il-vittma, f’ħin minnhom l-imputat ħareġ sikkina. Il-vittma qal li ppruva jaqbad lill-imputat u mbuttah, u b’hekk waqqaw fuq ħġieġa ta’ showroom.

Madankollu, meta l-imputat qam mill-art allegatament reġa’ qabad is-sikkina u ta daqqa lill-vittma li laqtitu bil-konsegwenza li għamillu tiċrita mill-moħħ sal-kappa tal-għajn, u kkawżalu ġrieħi gravi.

Il-pulizija identifikaw lis-suspettat u marru jfittxuh f’indirizz marbut miegħu, iżda inizjalment ma sabuhx. Saru wkoll tfittxijiet f’indirizz ieħor sakemm fl-aħħar ġie arrestat ilbieraħ.

Fil-qorti, Bonavia, li huwa bla xogħol, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni talbet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, talba li ġiet milqugħa mill-qorti. F’dan l-istadju ma saritx talba għal-ħelsien mill-arrest. 

Il-prosekuzzjoni kient immexxija minn Sarah Katheleen Zerafa flimkien ma’ Kristina Bartolo mill-uffiċju tal-Avukat ġeneral, filwaqt li l-akkużat kien qed jiġi rrapreżentat mill-avukata tal-għajnuna legali, Yanica Bugeja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport