Friday, December 12, 2025

‘Għadni nemmen li nista’ nagħmel aktar … kemm il-Portugall kif ukoll Malta għandhom ħafna x’jistennew minni’ – Zach Muscat

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

L-aħħar sena kienet waħda ta’ sfidi, inċertezzi, u maturità għal Zach Muscat, wieħed mill-aktar difensuri Maltin stabbiliti barra minn Malta, u plejer li għal aktar minn għaxar snin mhux biss qed ikompli l-karriera barra minn xtutna, iżda qed jikteb storja konsistenti fil-futbol Ewropew. Illum, Muscat għandu kapitlu ġdid f’ħajtu hekk kif ingħaqad ma’ Chaves fit-tieni diviżjoni Portugiża, tim li bħalissa jinsab f’sitwazzjoni tajba ħafna biex jisfida għall-promozzjoni lura fil-kampjonat ewlieni tal-Portugall.

Għalkemm il-vjaġġ tiegħu deher b’saħħtu u regolari għal diversi snin, ftit kienu jafu li sena ilu Muscat kien f’sitwazzjoni delikata mingħajr klabb, f’punt fejn il-futur tiegħu kien ferm inċert. Iżda għall-plejer ta’ 32 sena, li għamel isem fil-Portugall, dan iż-żmien serva bħala lezzjoni u opportunità ta’ tkabbir personali.

“Bħal dan iż-żmien sena kont bla klabb,” jirrakkonta Muscat b’ton li juri kemm għadda minn trasformazzjoni liema bħalha f’dawn l-aħħar 12-il sena. “Kelli bżonn nagħmel pass lura u nara u fejn ridt nasal. Mort barra u ridt nilgħab, iżda għaddejt minn ftit problemi fit-Turkija u stajt nitlef il-kunfidenza. Però kbirt ħafna.”

Muscat jgħid li f’dan il-perjodu kellu jgħaddi minn xogħol profond fuq l-identità personali tiegħu: “Kelli nissepara l-identità tiegħi bħala Zach Muscat il-plejer, u Zach Muscat il-persuna. Hija xi ħaġa li tgħallimt ħafna minnha. Kultant fil-futbol tibda tħoss pressjoni, imma fil-mument li fhimt min jien fil-verità, l-affarijiet bdew jerġgħu jiġu f’posthom.”

Wara esperjenza twila u pożittiva fil-Portugall, Muscat ingħaqad ma’ Şanlıurfaspor fit-Turkija f’Jannar 2025. Iżda hawn mhux kollox kien miexi kif xtaq.

“Fit-Turkija għaddejt minn ħafna konfużjoni,” jgħid b’sinċerità. “Il-kampjonat kien differenti ħafna, il-kundizzjonijiet mhux dejjem stabbli. Kelli bżonn sigurtà u stabbiltà biex inkompli nikber.”

Din l-esperjenza kienet kruċjali biex tiftaħlu għajnejh fuq liema tip ta’ proġett għandu bżonn bħala plejer matur.

Wara li temm l-esperjenza tiegħu fit-Turkija, Muscat irritorna fil-Portugall fejn sab ambjent li jħossu d-dar fih. Fil-fatt, għal aktar minn ħames snin, Muscat għamel isem fil-Portugall fosthom żewġ promozzjonijiet ma’ diversi klabbs, u rwol importanti fl-istaġuni rispettivi tagħhom.

Il-mossa ma’ Chaves kienet għalih deċiżjoni naturali: “Kelli bżonn stabbiltà u proġett interessanti. Il-president il-ġdid u l-istruttura kienu ċari ħafna. U fuq kollox, il-kowċ jafni sew kien miegħi ma’ Casa Pia. Meta rajt l-ambjent u l-viżjoni tagħhom, fehem li kien il-mument li nerġa’ nibda kapitlu serju.”

Chaves bħalissa jinsabu f’qagħda tajba ħafna fil-kampjonat, u riċentement kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 kontra Pacos Fereira, fejn Muscat kellu parti importanti fil-wirja difensiva.

“Chaves jinsabu b’ċans li jiksbu promozzjoni. U jien irrid nerġa’ nkun parti minn storja bħal dik.”

Illum il-ġurnata, Muscat jgħix il-Portugall mhux biss bħala plejer, iżda bħala persuna li għamlet ħajja sħiħa hemmhekk:

“Ilni ngħix ħames snin hawn. Nitkellem il-lingwa Portugiża, għandi ħbieb, għamilt isem bħala plejer Malti li ħadem u wera l-kwalità tiegħu. Meta rritornajt wara l-esperjenza fit-Turkija, ħassejtni f’post qisu dari.”

Għalkemm ġie kkuntattjat minn diversi klabbs Maltin, Muscat kien ċar:

“Lokalment kelli ħafna timijiet jiġru warajja. Imma jien għadni bil-ġuħ għal xi ħaġa ikbar. Ma neskludix li xi darba nerġa’ niġi Malta, anke għaliex apparti plejer jien ukoll kowċ fiżiku wkoll. Imma bħalissa għadni nħoss li nista’ nagħti ħafna barra.”

Il-passjoni tiegħu għall-kompetizzjoni hija ċara.

“Jien xi ħadd li mhux biss ninżel għar-riżultat. Irrid nirbaħ. U għadni nħoss dik ix-xewqa bħalma kelli meta kont żgħir.”

Illum Muscat għandu 78 dehra internazzjonali u 4 gowls ma’ Malta, inkluż wieħed mill-iktar gowls memorabbli iġifieri il-gowl tar-rebħa kontra l-Ukrajna fl-2017.

“Ninsab għal qalbi ħafna mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżi. Illum kważi veteran, imma dan iġiegħlek tkun aktar responsabbli.”

Dwar iż-żewġ partiti kruċjali li jmiss kontra l-Lussemburgu f’Marzu li ġej, Muscat esprima fiduċja iżda wkoll realiżmu:

“Se naslu ippreparati. Għandna kunfidenza pożittiva għal-logħob u l-pawża twila tal-Milied mhix se twaqqafna. Meta nerġgħu nġibu r-ritmu f’Jannar, irridu nibdew b’saħħa.”

Għalih, il-valur tat-tim nazzjonali qabel kollox huwa l-progress li qed isir:

“Il-kompetizzjoni mhijiex biss żewġ logħbiet. Hija l-istorja ta’ tim kollu. Aħna qed nieħduha b’serjetà kbira u nkomplu nuru l-kwalitajiet tagħna. Dan it-tim għandu futur u progress li għandu jitkompla.”

Zach Muscat illum huwa plejer li mhux biss jgħix il-futbol, iżda jifhmu f’livell profond.

Minn deċiżjonijiet diffiċli, minn żmien bla klabb, minn pressjoni u minn perjodu ta’ konfużjoni sar plejer aktar sod, aktar matur, u aktar determinat.

“Għadni bil-ġuħ għar-rebħ. Għadni nemmen li nista’ nagħmel aktar. U kemm il-Portugall kif ukoll Malta għandhom ħafna x’jistennew minni!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport