Murphy Akanji huwa isem li jagħti ċertu sens ta’ nostalġija lil ħafna partitarji tal-futbol Malti, b’mod speċjali dawk ta’ Sliema Wanderers. Mal-wasla tiegħu f’Malta fl-2001, dan il-gowlkiper Niġerjan ġab miegħu mhux biss esperjenza u talent, iżda wkoll personalità ta’ barra minn hawn, rispett u dedikazzjoni li ġiegħluh isir wieħed mill-aktar plejers barranin apprezzati tal-kampjonat Premier.
Dan il-ġurnal ltaqa’ miegħu b’mod personali hekk kif kien fi żjara qasira fil-gżejjer Maltin fejn bla dubju kellu laqgħa ma’ xi eks plejers li kien jilgħab magħhom bil-flokk tal-Blues kif ukoll ma’ xi nies oħra involuti fil-futbol Malti.
Imwieled fl-1 ta’ Diċembru 1977 f’Lagos, in-Niġerja, Murphy beda juri interess fil-futbol minn età żgħira ħafna.
“Minn dejjem xtaqt inkun goalkeeper,” stqarr. “Kollox beda meta kont fl-iskola. Kienet qed issir kompetizzjoni u kienu jeħtieġu goalkeeper. Jien dħalt b’mod volontarju bejn il-lasti, u wara l-logħba, l-għalliem issuġġerili biex nibda nilgħab aktar regolarment ma’ xi klabb jew akkademja. Dak kien mument li biddel kollox – bdejt nara l-futbol bħala xi ħaġa aktar minn logħba, bħala possibbiltà ta’ ħajja u karriera.”
Il-bidu tiegħu fil-futbol professjonali kien fil-klabb Niġerjan Niger Tornadoes fl-1995. Fl-1996 ingħaqad ma’ Sharks FC, imbagħad ma’ Udoji United fl-1997, u finalment ma’ Julius Berger FC bejn l-1998 u l-2001. Matul dawk is-snin, mhux biss tejjeb il-ħiliet tiegħu bejn il-lasti, imma kiseb ukoll esperjenza f’ambjent kompetittiv. Ma’ Julius Berger rebaħ il-Kampjonat Niġerjan u s-Super Cup fl-2000 – suċċessi li saħħu l-profil tiegħu bħala goalkeeper.
F’Awwissu tal-2001, irċieva offerta li kienet se tibdel ħajtu darba għal dejjem – li jingħaqad ma’ Sliema Wanderers, wieħed mill-aktar klabbs storiċi fil-Kampjonat Premier Malti.
“Li ġejt Malta kien pass importanti għalija. Ridt inkompli nikber bħala plejer u kont qed infittex fejn nagħmel impatt professjonali. Sliema Wanderers kienu tim b’ambizzjoni, u kont naf li hemm setgħet tkun l-istazzjon li jmiss fil-karriera tiegħi.”
Akanji ma damx ma ħalla impatt. Matul seba’ staġuni mal-klabb (2001–2008), huwa għamel 171 dehra fil-kampjonat, u kien magħruf għall-aġilità, il-ħeffa tiegħu fl-ispazju żgħir u l-kuraġġ li wera f’sitwazzjonijiet ta’ pressjoni. Għalkemm xi drabi ġie kkritikat għal xi inkonsistenzi, il-kontribut tiegħu bejn il-lasti kien evidenti u kruċjali fis-suċċessi tat-tim.
Bejn l-2001 u l-2008, Murphy Akanji lagħab ma’ plejers ta’ talent kbir li għenu biex it-tim jirbaħ diversi unuri. Fost sħabu fil-linja difensiva kien hemm Ian Ciantar, Brian Said, Carlo Mamo, Luke Dimech, Alex Muscat u Zdeněk Svoboda. Fil-midfield, lagħab ma’ ismijiet magħrufa bħal David Carabott, Jeffrey Chetcuti, Stefan Giglio, Claude Mattocks, John Mintoff, Roderick Bajada, Noel Turner, Massimo Grima u David Camilleri. Fl-attakk, Sliema kienu jistrieħu fuq plejers bħal Ivan Woods, Chucks Nwoko, Nenad Veselji u Orosco Anonam. Anke gowlkiper Malti żagħżugħ, Henry Bonello, kien parti minn din l-iskwadra lejn l-aħħar snin ta’ Akanji mal-klabb. Dawn il-plejers kollha, flimkien ma’ Murphy, kienu parti minn perjodu ta’ suċċess kbir għal Sliema Wanderers fejn rebħu diversi kampjonati u tazzi, u ffurmaw grupp b’ċertu għaqda u professjonalità li għadha titfakkar sal-lum fil-futbol Malti.
“Ma’ Sliema kelli esperjenza li diffiċli ninsiha. Kienu tim professjonali tassew. Kienu jikkowċjawni żewġt irġiel li għadhom f’qalbi sal-lum – il-mibkija Hugh Caruana u Edward Aquilina. Tgħallimt ħafna mingħandhom, mhux biss teknika, imma wkoll kif taħdem bħala tim. Konna nirbħu ħafna – kellna tim b’saħħtu u strutturat.”
Fuq livell individwali, Akanji rebaħ il-premju tal-Goalkeeper tas-Sena darbtejn – fl-istaġuni 2005–06 u 2006–07 – li kienu jikkonsolidaw ir-reputazzjoni tiegħu bħala wieħed mill-aqwa goalkeepers li qatt lagħbu f’Malta. Fuq livell kollettiv, ma’ Sliema Wanderers rebaħ tliet kampjonati konsekuttivi (2002–03, 2003–04, 2004–05), kif ukoll l-FA Trophy fl-istaġun 2003–04.
Lil hinn mir-rebħ u l-istatistiċi, Murphy jiftakar l-esperjenza f’Malta b’qalb mimlija emozzjoni. “Malta saret parti minni. Kien pajjiż li laqagħni u wera rispett lejja. Il-partitarji kienu ġenwini, il-logħba kienet importanti għan-nies, u jien dejjem ħadt dan b’serjetà. Għadni nħoss rabta qawwija ma’ Malta anke llum.”
Mhux biss lagħab b’suċċess fil-livell lokali, imma Murphy Akanji kellu wkoll karriera fuq livell internazzjonali. Lagħab seba’ logħbiet għan-Niġerja bejn l-1999 u l-2002, u kien parti mill-iskwadra li waslet sal-finali tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani fl-2000, fejn Niġerja tilfet kontra Senegal. Fl-edizzjoni ta’ wara tal-2002, temmew fit-tielet post.
“Kien mument kbir għalija. Meta tilbes il-flokk tan-nazzjon tiegħek, tħoss xi ħaġa speċjali. Fi żmienna konna nilagħbu b’qalb – konna determinati u b’mentalità rebbieħa. Għalkemm tlifna l-finali, il-partitarji kienu kburin bina. Dak il-mument nibqa’ nġorru f’qalbi.”
Mistoqsi jekk għadux isegwi l-futbol, Murphy jgħid li, għalkemm mhux dejjem ilaħħaq jarah, xorta jkun infurmat b’x’inhu jiġri – kemm f’Malta kif ukoll fin-Niġerja.
“Illum hemm plejers ta’ kwalità, imma forsi m’hemmx l-istess impenn li kellna fi żmienna. Qatt ma kelli dubju li l-futbol hu logħba ta’ qalb. Meta tkun verament impenjat, il-logħba tagħtik lura b’mod inkredibbli.”
Murphy Akanji jibqa’ figura rispettata fil-futbol Malti. Ħafna jiftakruh bħala l-goaleeper qawwi ta’ Sliema, iżda oħrajn jiftakruh għall-mod kif dejjem wera ġenwinità u rispett lejn il-kultura sportiva ta’ pajjiżna. “Ma ninsiex minn fejn ġejt, imma lanqas ma ninsa x’għożża kelli lejn il-logħba f’Malta. Kien kapitlu sabiħ f’ħajti – wieħed li ngħożżu dejjem.”