Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bowling?
Nixtieq nibda billi ngħidlek grazzi tal-intervista tiegħek u tal-importanza li tagħti lill-isport tagħna.
L-imħabba tiegħi lejn dan l-isport bdiet f’etá tant żgħira. Kont ninżel il-bowling man-nanna tiegħi fejn iz-ziju tiegħi Bjorn Tabone li jagħmel parti minn Special Olympics Malta kien jinżel jittrenja darbtejn fil-ġimgħa u n- nanna kienet tixtrili ‘unlimited tickets’ biex noqgħod nilgħab waħdi sakemm jgħaddi l-ħin. Ngħid li l-imħabba tiegħi lejn l-isport dehret mill-ewwel għax kif kont inkun il-bowling kont inħossni qiegħed fil-ġenna tal-art!
X’tikkummenta fuq l-aħħar success inkredibbli li ksibt fin-Nationals fil-jiem li għaddew?
In-Nationals huwa tournament li kulħadd ikun qed jistennih u hija l-ħolma ta’ kull bowler li jkun Champion ta’ Malta u jirrapreżenta lil Malta f’tournament mal-aqwa bowlers Ewropej. Biex tirbaħ irid ikollok dedikazzjoni sagrifċċji u impenn. Trid tittrenja bħal kulħadd. Il-mira tiegħi peressli jien għad għandi 15-il sena ma kinitx li nirbaħ imma li dejjem ikolli prestazzjoni tajba. Dan it-tournamnet tan-Nationals kien maqsum f’erbat ijiem fejn fl-ewwel jumejn tilgħab fuq pattern, u t-tieni ġimgħa tilgħab fuq pattern ieħor.
Bdejt l-ewwel sitt loghbiet 1189. Għalkemm ma kontx fil-forma ideali xorta għamilt ħilti u fi fit-tieni ġurnata lgħabt 1364/6 u tlajt nokkupa t-tielet post. Overall fl-aħħar 12-il logħba tajt li stajt u qbadt nemmen iktar fija nnifsi. Fit-tielet ġurnata lgħabt 1299/6 fejn bqajt fl-istess pożizzjoni u fl-aħħar ġurnata u l-aħħar sitt logħbiet tajt kollox li stajt u bqajt kunfidenti u għamilt series ta’ 1497/6 li kienet biżżejjed biex nitla’ fl-ewwel post u nsir Champion ta’ Malta għall-ewwel darba!
Għadni sal-lum il-ġurnata qisni qed ngħix ġo ħolma wara dan is-suċċess li ksibt! Minn hawn nixtieq ngħid prosit lil sħabi Kayden Lagana li ġie fit-tieni post u Matthew Magro li ġie fit-tielet post, għax it-titlu baqa’ indeċiż sal- aħħar logħba fejn sejjer, u nagħlaq billi ngħid grazzi lill-familja tiegħi li jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jarawni nibqa’ nikber fil-logħba u l-kowċis tieghi Rick Vogelesang u Sue Abela u grazzi wkoll lill-kowċ nazzjonali Mark Spiteri tal-għajnuna tiegħu waqt dan it-tournament.
X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Unuri oħra s’issa apparti l-iktar wieħed riċenti li rbaħt in-National Champion, irbaħt National Under 12 tliet darbiet, Under 16 darbtejn u suċċess li għadu frisk huwa meta morna l-Europen Youth Championships fejn hemmhekk irnexxieli nikseb it-tielet post fis-singles u t-tielet post fit-team x4, fejn kien kompost minn Nicolai Mallia,Travis Barbara,Tomas Caruso u Kayden Lagana fejn din il-midalja tat-tim kont ħadtha ġo Franza fl-istess kompettizzjoni fis-sena 2022. Apparti dawn immur Opens f’pajjiżi differenti fejn qed ikolli riżultati tajbin ħafna.
Kif tqis il-livell tal-bowling f’pajjiżna fil-preżent?
Meta tqis il-kobor tal-pajjiż tagħna u l-midalji li nirbħu, inħoss li l-livell tal-bowling f’Malta huwa wieħed għoli ħafna, fejn aħna l-Maltin nirbħu kontra pajjiżi ġganti f’dan l-isport u ż-żgħażagħ li hemm bħalissa huma ta’ livell kbir u dik tgħinek f’kull kompetizzjoni għax ikollok sfida kbira, u hemmhekk tgħinek ittejjeb iktar il-logħba tiegħek.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu, u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Il-post fejn nitħarrġu huwa wkoll il-post fejn isiru l-kompetizżjonijiet. Il-post huwa wieħed gdid u attrezzat bl- aħjar apparat modern imma aħna limitati bit-taħriġ u l-ħinijiet. Sabih li jkollok post fejn tittrenja fix ħin trid imma żgur li m’għandniex xi ngergru għax nittrenjaw f’post li tista’ tgħidlu ‘state of the art’!
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?
Il-futur tiegħi jidher sabiħ u eċċitanti fil-logħba tal-bowling. Għadni żghir u rrid inżomm saqajja mal-art, inkompli nibqa’ nittrenja ħafna biex dejjem inkompli nitjieb fil-logħba. Il-ħolma tiegħi hija dik li xi darba nikkompeti f’kompetizzjoni ta’ livell għoli u nikseb riżultati tajbin. Il-ħolma ta’ kulħadd hi li tilgħab ġewwa l- Amerika ma’ bowlers professjonali, imma l-iktar ħaġa importanti hi li tibqa’ leali lejn kulħadd u tirrispetta lil kulħadd!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-bowling.
Jekk qed taħseb li tilgħab il-bowling kif jgħidu bl-Ingliż, ‘just go for it’! Huwa vera sport ta’ pjaċir! Tibżax għax fil-bidu jkun naqra iebes. It-taħriġ jagħmlek tajjeb u importanti li tisma’ l-pariri mingħand kulħadd għax hija parti importanti mit-tagħlim tal-loghba. Apparti hekk tiltaqa’ ma’ ħafna nies u tagħmel ħbieb ġodda, issiefer ġo ħafna pajjiżi u tiltaqa ma’ nies minn barra minn Malta li huma ħafna u għandhom għal qalbhom il-logħba tal-bowling. Jekk jirnexxielek tkun promettenti u tilbes il-flokk ta’ Malta, żgur li ma jiddispjaċik qatt!