Persuna li għamlet kuntatt ma’ dan is-sit u li kienet miexja fil-ħin tal-inċident esprimiet id-diżappunt tagħha għall-mod ta’ kif seħħ l-inċident.
Il-persuna spjegat li filli kienet miexja u f’ħin minnhom semgħat ħoss qawwi u coach li baqgħet għaddejja. Minnufih lemħet lill-anzjan mixħut fl-art.
Maħkuma minn xokk kbir sa sigħat wara l-inċident, il-persuna qalitilna li ħassitha verament diżappuntata għal mod kif seħħ l-inċident u għall-fatt li kienet hi l-unika persuna li waqfet biex tara kif tista’ tgħin lill-anzjan li kellu bżonn għajnuna immedjata.
Nifhmu li b’rabta ma’ dan l-inċident il-Pulizija se tkun qiegħda tinvestiga cameras tas-sigurtà li hemm fiż-żona biex tkun tista’ tindentifika l-vettura involuta f’dan l-inċident.
Naxxari jweġġa’ gravi wara li ntlaqat minn vettura li baqgħet sejra fil-Mosta
Anzjan kellu jiddaħħal l-Isptar wara li għall-ħabta tas-6:15 a.m kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq il-Bidnija fil-Mosta.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel ta’ 66 sena residenti n-Naxxar kien intlaqat minn vettura li baqgħet sejra.
Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard huwa kien iċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja, waqt li qiegħda ssir tfittxija għall-vettura involuta.