Wednesday, December 25, 2024

GĦAJNUNA F’WAQTHA U KRUĊJALI WAQT IL-PANDEMIJA

Aqra wkoll

Il-pandemija tal-Covid-19 ġabet magħha diversi sfidi mhux biss ekonomikament imma wkoll soċjalment. Dan għexnieh fis-sentejn li għaddew iżda b’xorti tajba u grazzi għall-għaqal ta’ dan il-Gvern bil-miżuri li ttieħdu, irritornajna lura għan-normalità kif konna ngħixuha qabel.

L-għajnuna li ta l-Gvern lill-familji u lin-negozji permezz tal-Wage Supplement u sussidji varji li ta biex itaffi l-effetti tal-pandemija, ammontaw għal €1.6 biljun. Dan wera li l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet waħda reżiljenti matul is-snin li kienet kapaċi twassal lill-Gvern biex jagħti din l-għajnuna kollha. 

Dan kollu sar mingħajr ma kien hemm żieda fit-taxxi jew tariffi oħra. Mhux biss kien hemm dawn l-għajnuniet waqt il-pandemija imma kienu ppreżentati diversi budgets bil-għan li l-ebda ħaddiem ma jitlef l-impjieg tiegħu filwaqt li n-negozji li huma sors ewlieni ta’ kontribut għall-ekonomija baqgħu għaddejjin b’mod normali.

Iżda l-benefiċċji jew il-miżuri tal-Gvern ma kinux biss finanzjarji imma miżuri proattivi oħra fosthom fir-rigward tas-saħħa mentali. Dan ġie nnutat ukoll mill-Kummissjoni Ewropea li fir-rapport tagħha dwar l-inklużjoni diġitali matul il-pandemija, Malta ħadet diversi miżuri attivi partikolarment fis-settur tal-edukazzjoni fejn l-inklużjoni diġitali ngħatat prijorità.

Fost l-aqwa prattika indikata fir-rapport tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat il-proġett imniedi mill-Aġenzija Nazzjonali taż-Żgħażagħ f’Malta, ‘Stejjer minn Żgħażagħ matul il-Coronavirus’, li kellu l-għan li jipprovdi vuċi liż-żgħażagħ matul il-pandemija. 

Il-proġett inkluda l-ħolqien ta’ pjattaforma fejn iż-żgħażagħ setgħu jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom tul il-pandemija tal-Covid-19. L-istejjer tagħhom evidenzjaw id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom kif ukoll ir-reżiljenza tagħhom meta ġew biex jaffaċċjawhom, ipprovdew informazzjoni dwar riżorsi disponibbli u b’hekk servew ta’ ispirazzjoni għal oħrajn li kienu għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili.

Dan juri kemm il-miżuri li ħa l-Gvern u l-għajnuna li ta kienet f’waqtha u kruċjali tant li kienet apprezzata mill-Kummissjoni Ewropea, kif elenkat fir-rapport tagħha dwar l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.

Ekonomija

Sport