Friday, November 15, 2024

Għajnuna iktar immedjata għal vittmi ta’ każijiet serji ta’ vjolenza domestika

Aqra wkoll

Matul konferenza tal-aħbarijiet dwar il-vjolenza domestika tħabbar li twaqqaf bord apposta biex dawk il-vittmi ta’ vjolenza domestika meqjusa fi stat ta’ vulnerabbilità kbira jsibu għajnuna immedjata.

Wara li fi Frar li għadda twaqqaf il-Multi Agency Risk Assessment Meeting magħruf bħala l-MARAM fuq rakkomandazzjoni li ħarġet mill-inkjesta maġisterjali b’rabta mal-qtil ta’ Bernice Cassar u beda jiffunzjona, issa twaqqaf dan il-bord li se jkun qed jagħmel evalwazzjoni ta’ dak li jkun ħareġ mir-risk assessment mal-vittma li tkun għamlet ir-rapport inizjali għand il-Pulizija.

F’każ li joħroġ li jkun hemm riskju għoli ta’ periklu serju għall-vittma jew għall-qraba tagħha, il-każ jgħaddi għand il-MARAM biex tkun tista’ ssir analiżi bejn diversi professjonisti, ewlenin fosthom dawk ġejjin mill-qasam tas-saħħa, tal-pulizija, tal-intern, tal-edukazzjoni u l-Aġenzija Sedqa fost l-oħrajn. Hawnhekk jitħejja pjan ħolistiku għal kull każ, li jsir bi qbil ta’ diversi entitajiet differenti.

Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tkellem dwar il-bżonn ta’ ħidma iktar immedjata biex kemm jista’ jkun nevitaw sitwazzjonijiet ta’ periklu imminenti.

“Din hija realtà li teżisti u se tibqa’ teżisti, u aħna għandna d-dover illi nagħmlu dak kollu possibbli bil-għan illi nevitaw traġedji. Dan filwaqt li diġà qegħdin fi stadju fejn irnexxielna ngħinu lill-Pulizija permezz t’informazzjoni utli u b’hekk ikunu jistgħu jieħdu azzjoni ferm aktar malajr,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Iċ-Chairperson tal-MARAM Ruth Sciberras qalet li permezz tal-MARAM se jkun qed jingħata servizz ħolistiku u ferm aktar sapport lill-vittmi li għaddejjin minn dan l-abbuż. Qalet illi l-professjonisti kollha ngħataw taħriġ fir-Renju Unit, minn esperti fis-suġġett, biex b’hekk ikollhom stampa multidimensjonali ta’ dak kollu li jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Dan filwaqt li jkunu f’pożizzjoni jaġixxu malajr, fl-aqwa interess tal-vittmi.

Mit-13 ta’ Ġunju lil hawn, il-MARAM ħadem ma’ 74 każ serju, fejn minnhom kien hemm 63 rapport minn nisa, tlieta mill-irġiel, u tmien każijiet fejn ulied adulti wettqu abbuż fiżiku fuq il-ġenituri tagħhom.

Ekonomija

Sport