Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal issiġilla ftehim sabiex ikompli jgħin lill-Fondazzjoni Jean Antide tkompli tipprovdi servizzi lil nisa li ħarġu mill-problema tal-vjolenza domestika u tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.
Dan il-ftehim sar lejliet il-ġurnata internazzjonali kontra l-vjolenza fq in-nisa. Il-Fondazzjoni tipprovdi l-programm SOAR – Survival of Abuse with Resilience, u dan il-ftehim se jiggarantixxi t-tmexxija ta’ SOAR fit-tliet snin li ġejjin. Dan se jsir b’finanzjament ta’ €130,500 fuq perjodu ta’ tliet snin (2021-2023).
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li dan il-ftehim se jkun qed iwassal għal iktar appoġġ għal vittmi nisa, kemm fuq livell individwali kif ukoll appoġġ mogħti lil gruppi.
Il-Ministru Falzon qal li l-ministeru se jkompli jgħin individwi u organizzazzjonjiet bħal dawn għax tassew jemmen fil-ġustizzja u l-ugwaljanza soċjali. Temm jgħid li l-ministeru għandu 48 ftehim soċjali ma’ NGOs li lkoll jagħmlu ġid fil-komunità, finanzjament li jlaħħaq is-€17-il miljun fis-sena.