Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal estenda ftehim soċjali ieħor li għandu mal-Fondazzjoni Karl Vella, sabiex jgħin u jagħti sapport lil tfal li jkunu għaddejjin minn stress u żmien diffiċli. Dan kawża ta’ mard terminali li l-ġenituri tagħhom ikunu għaddejjin minnu. Naturalment, il-ġenituri ma jkunux fl-istess pożizzjoni li jagħtu l-massimu tagħhom lit-tfal minħabba t-trattamenti mediċi li jkunu għaddejjin minnu.
Ħabbar dan il-ftehim soċjali b’finanzjament ta’ aktar minn €400,000, il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, fejn saħaq li dan ser jaċċerta l-għoti ta’ servizz ta’ terapija individwali u anke fi gruppi.
“Aħna qegħdin hawn għal kulħadd, inkluż individwi li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. Irridu nibqgħu nagħtu opportunitajiet ġodda lil kulħadd, sabiex jibqgħu mexjin ’il quddiem u jsibu sostenn fl-iktar żmien meħtieġ għalihom,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tagħha, id-Direttur u l-Co-founder tal-Fondazzjoni Karl Vella, Claire Chircop, qalet li ħafna mix-xogħol tagħhom idur madwar is-sapport psikoloġiku, servizz ta’ psikoterapija u anke mentoring lil tfal ta’ bejn il-5 snin u s-17-il sena.
“Din l-għajnuna mill-Gvern tagħtina serħan il-moħħ, għaliex nistgħu nkomplu bix-xogħol tagħna, ma’ żgħażagħ vulnerabbli li jkunu qed iġarrbu mard serju fil-familja, jew saħansitra jitilfu lil wieħed mill-ġenituri tagħhom. Mingħajr din l-għajnuna s-servizz ma jkunx jista’ jkompli,” temmet tgħid Claire Chircop.