Fi tmiem din il-ġimgħa qed isiru l-aħħar pagamenti tal-COLA addizzjonali lil 527 familja li kienu intitolati għal dan il-benefiċċju u li sa issa ma kinux tħallsu.
B’dan il-pagament, issa qed jingħalaq iċ-ċiklu tal-ħlasijiet tal-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja għal din is-sena.
Minn dan l-aħħar pagament, kien hemm 527 familja benefiċjarji ġodda qed jirċievu l-ħlasijiet dovuti lilhom. Intant, matul din is-sena mat-98,000 familja bbenefikaw minn dan il-benefiċċju b’investiment li jlaħħaq il-€50 miljun.
Il-pagament tal-COLA addizzjonali jerġa’ jitħallas f’Diċembru ta’ din is-sena u jkopri l-ewwel ħlas għas-sena 2026 lil kull min f’dak iż-żmien ikun eliġibbli.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon sostna li dan il-benefiċċju huwa fost ħafna li qed ikomplu jagħmlu differenza fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. “M’aħniex ser nieqfu hawn, fi ftit tal-ġimgħat oħra ser inkunu qed naraw it-tisħiħ ta’ diversi benefiċċji soċjali u oħrajn ġodda. Tul dawn it-tnax-il sena konna dejjem hemm biex nippremjaw il-bżulija, filwaqt li komplejna nsaħħu l-qagħda tal-familji kollha, inkluż dawk vulnerabbli,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Intant, il-ġimgħa d-dieħla se jkunu qed jitħallsu l-ħlasijiet tal-In-Work Benefit u l-Carer’s Grant lil madwar 24,500 familja.