Saturday, October 26, 2024

Għajnuna lin-naħħala biex jinvestu f’tagħmir għall-kontroll tal-bagħal taż-żunżan

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar għajnuna finanzjarja mmirata lejn in-naħħala f’pajjiżna biex isservi ta’ għajnuna għall-konsegwenzi li ġarrbu mill-bagħal taż-żunżan.

Il-Ministru Anton Refalo sostna kif “permezz tal-għajnuna finanzjarja is-settur ser ikun jista’ jinvesti fit-tagħmir biex jiġi kkontrollat dan l-insett u fl-istess waqt jibda l-proċess ta’ ripopolazzjoni minħabba l-fatt li dan iż-żunżan ħalla impatt negattiv fuq il-popolazzjoni tan-naħal f’pajjiżna.’’

Min-naħa tiegħu id-Direttur għall-Agrikoltura Marco Dimech, spjega kif din l-għajnuna finanzjarja ser tkun qiegħda tingħata lin-naħħala reġistrati. Fil-jiem li ġejjin, id-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji ser ikun qed jibgħat b’mod dirett l-applikazzjoni lin-naħħala, liema applikazzjoni ser twassal sabiex jingħataw din l-għajnuna finanzjarja.

Minkejja l-fatt li bħalissa l-preżenza tal-bagħal taż-żunżan hija waħda minima, din l-iskema qiegħda tiġi mħabbra ftit ġimgħat qabel tibda r-Rebbiegħa li matulu l-irġejjen jibdew jagħmlu l-bejtiet sabiex jifformaw il-kolonja tagħhom, liema rġejjen kapaċi jipproduċu mal-elf bagħal taż-żunżan. Għalhekk f’dan iż-żmien in-naħħala permezz ta’ din l-iskema ser jinvestu fit-tagħmir meħtieġ sabiex jinqabdu kemm jista’ jkun irġejjen u b’hekk il-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan tibda tonqos.

Intant, fil-ġimgħat li ġejjin ser tkun qed titnieda kampanja ta’ informazzjoni biex il-pubbliku wkoll ikun jista’ jieħu l-passi meħtieġa dwar dan l-insett.

Sport