Wednesday, December 25, 2024

Għajnuna psikoloġika għal Ukreni f’Malta

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Crisis Team Resolution iħabbar li qegħdin jgħinu żewġ familji… ma jeskludux li jmorru b’kontiġent minn Malta

Bħalissa kulħadd qiegħed isegwi l-avveniment traġiċi li qegħdin iseħħu fl-Ukrajna li tinsab fi gwerra mar-Russi wara li dawn tal-aħħar, il-ġimgħa l-oħra nvadewhom. Din it-theddida għall-paċi anke fuq skala mondjali qiegħda tikkawża tbatija u mwiet fost dawk involuti direttament, kif ukoll tħassib u stress fuq livell internazzjonali, inkluż f’Malta. Fost il-barranin li jgħixu fostna, għandna wkoll ċittadini minn dawn iż-żewġ pajjiżi u fil-fatt, l-istess ħsara psikoloġika, qiegħda tinħass fosthom tant li l-Kap tal-Crisis Resolution Malta, Dott. Mark Xuereb, ħabbar lil L-ORIZZONT li bħala tim diġà qegħdin jassistu żewġ familji Ukreni li rrikorrew għall-għajnuna tagħhom minħabba din il-gwerra. 

L-Ukreni li jgħixu barra minn pajjiżhom, inklużi dawk f’Malta, ukoll possibilment jinsabu fi dwejjaq u sogħba kbira għal dak li qegħdin jaraw li qiegħed jiġri lill-qraba, lill-ħbieb u anke lill-proprjetajiet tagħhom hemmhekk. “Nies Ukreni u l-familji tagħhom qegħdin jieħdu l-għajnuna tagħna minħabba li ma jistgħux jiffaċċjaw waħidhom ir-realtà li qiegħda tiżvolġi quddiemhom permezz tal-Internet u t-televiżjoni. L-isfida tal-Covid-19 abbinata mal-gwerra li faqqgħet bejn ir-Russja u l-Ukrajna qiegħda tqanqal pressjoni psikoloġika enormi fuqhom,” spjega Xuereb. 

Il-Kap tal-Crisis Resolution Malta fid-dawl tas-sitwazzjoni kritika fost il-poplu Ukren, bħala tim, mhumiex jeskludu li bħala tim flimkien ma’ mezzi ta’ għajnuna oħra, imorru b’kontiġent minn Malta. Dan bil-għan li jkunu jistgħu juru li jridu jgħinu lil dawn in-nies, irrespettivament min-nazzjonalità tagħhom għax “aħna rridu nagħmlu l-ġid”. 

Gwerra fi żmien pandemija globali

Din il-pressjoni psikoloġika hija fuq diversi binarji. L-ewwel ma ninsewx li l-Ukrajna u r-Russja bħall-pajjiżi tad-dinja kollha għaddew minn lockdown, restrizzjonijiet soċjali, kif ukoll imwiet b’kawża diretta jew indiretta tal-pandemija.

Xuereb qal li meta wieħed imbagħad iżid it-theddida tal-agressjoni Russa fuq il-pajjiż ġar tiegħu tal-Ukrajna, wieħed jista’ jifhem l-istress psikoloġiku sinjifikanti li qiegħed jinħass kemm fuq il-pubbliku, fuq is-servizzi tal-ordni, tas-saħħa u fuq il-politiċi. 

Hawnhekk huwa importanti li ma ninsewx is-serjetà tal-ħsara psikoloġika li qegħdin isofru t-tfal Ukreni u anke Russi, li għadhom jibdew il-ħajja f’dan l-għawġ kollu. Dawn qegħdin isofru ħsara li għad irridu naraw kemm se tkun serja aktar ‘il quddiem u importanti li nkunu ppreparati biex nilqgħu għaliha fil-futur.

“Dan ifisser li mhux biss għandna sitwazzjoni fejn is-servizzi tal-ordni, il-militar u s-servizzi tas-saħħa mil-lat fiżiku u anke dak mentali, diġà kellhom pressjoni kbira waqt il-Covid-19 li għadu magħna, imma issa jridu wkoll jiffaċċjaw it-theddida li pajjiżhom jista’ jkun misruq mill-istat Russu,” kompla l-Kap tal-Crisis Resolution Malta.

Hawnhekk huwa tkellem dwar x’tip ta’ problemi din il-gwerra tista’ tikkawża fuq is-saħħa mentali tal-bniedem fosthom il-Post Traumatic Stress Disorder (PTSD), ansjetà, dipressjoni, kif ukoll abbuż minn drogi u alkoħol. Fil-professjoni tiegħu huwa jaf li dawn huma fost l-aktar kundizzjonijiet komuni li wieħed jista’ jiffaċċja. 

Ma ninsewx ukoll il-biżgħa li permezz tat-teknoloġija, jaslilna kollox f’ħin reali, fejn qegħdin naraw il-qawwiet militari Russi u Ukreni jiġġieldu. Naraw ukoll xeni ta’ nies mixħutin mal-art mejtin u tfal imbeżża’, kważi ssummati, kif ukoll nies li f’ferneżija u disprament, jistennew isibu kenn sigur mal-familji tagħhom.

“Nies bħali u bħalek”

“Dawn huma nies bħali u bħalek. Dawn huma nies li l-ħin kollu jaraw l-Internet biex isegwu l-aħħar informazzjoni,” sostna Xuereb. F’sitwazzjoni bħal din, dan il-psikjatra fakkar li l-vittmi ta’ din il-gwerra jista’ jkollhom problemi ta’ riżorsi inkluż dawk ta’ ikel, ilma, mediċini, kutri, post sigur fejn jistkennu, kif ukoll isofru minħabba tibdil fir-rutina normali tagħhom bħalma huma l-attendenza fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol. Minħabba din il-gwerra, dan kollu jisfuma fix-xejn.

Il-Kap tal-Crisis Resolution ukoll huwa mħasseb b’din is-sitwazzjoni u r-risperkussjonijiet tagħha. Huwa qal li, “wieħed jista’ jimmaġina li wara sensiela ta’ restrizzjonijiet minħabba l-pandemija u issa qegħdin ikunu replikati b’din il-gwerra, spiċċajna f’sitwazzjoni li ma tagħmel ġid lil ħadd. Dan narawh fil-wiċċ għajjien, imħasseb ħafna u mimli tensjoni tal-President tal-Ukrajna waqt il-konferenzi stampa li jagħmel, fl-uċuħ tal-ġenituri u tal-anzjani mbeżża’, kif ukoll it-tensjoni kbira li tinħass fil-pajjiż kollu tal-Ukrajna”. 

Dan qiegħed ikollu impatt mad-dinja kollha li tinsab f’inċertezza. Fost il-ħafna mistoqsijiet li ħafna qegħdin jistaqsu hemm jekk se jkunx hemm it-Tielet Gwerra Dinjija; jekk humiex se jintużaw armi nukleari; kemm se jiċċarċar aktar demm u għaliex; u jekk dan kollu nqalax minħabba kwistjoni ta’ bażi militari jew inkella minħabba l-Istorja tal-eks Unjoni Sovjetika.

Kieku jiġri hekk f’Malta, jiġri hekk lilna, x’nagħmlu?

Hawnhekk Xuereb għamel parentisì fejn qal li kieku dan jiġri fil-każ ta’ Malta, fejn fl-imgħoddi kulħadd ried jokkupana, kieku min jaf taħt ta’ min idejn niġu. Dan il-Psikjatra qal li f’każ ta’ gwerra wieħed mhux biss irid jara l-lat fiżiku u psikoliġiku, imma wkoll il-ħsibijiet kollha li jkun hemm fil-moħħ tan-nies li jrid li jkollhom il-libertà u r-rieda tagħhom hekk kif inhu bi dritt tagħhom.

“Sfortunatament, għax il-ħajja b’xi mod trid tkompli, min kellu problemi ta’ saħħa bħal dawk bi problemi fil-qalb, ta’ pressjoni, ażma u ta’ zokkor, ma’ dawn żdiedilhom l-istress tal-gwerra. Fost individwi li diġà kellhom problemi ta’ saħħa mentali, dawn ukoll żdiedilhom l-istress tal-gwerra,” kompla Xuereb. 

Huwa fakkar li fost l-Ukreni li qegħdin jiġġieldu għal pajjiżhom hemm persuni li minn librara, tobba, skrivani u mastrudaxxi, qegħdin isejħulhom biex jieħdu arma f’idejhom. L-arma hija għodda li qatt ma wżaw iżda qegħdin ikollhom jagħmlu dak li ma jridux biex jiddefendu lil pajjiżhom. 

Il-Psikjatra qal li, “min jaf il-biżgħa u l-emozzjonijiet li jkunu qegħdin iħossu dawn in-nies. Aħna nuru solidarjetà sħiħa ma’ magħhom – mal-Ukreni u anke mar-Russi li ma jaqblux ma’ din il-gwerra. Nitolbu u nittamaw li jkun hemm tmiem immedjat permezz ta’ djalogu u rispett reċiproku tal-fruntieri biex id-drittijiet tal-bniedem ikunu ssalvagwardjati”.

Hawnhekk huwa qal li fil-każ tal-gwerra tal-Ukrajna għandna eżempju ċar fejn is-sitwazzjoni ġeo-politika għandha impatt dirett fuq il-psikoloġija tal-persuni, kif ukoll fuq is-saħħa fiżika tagħhom. Sostna li din il-kriżi mondjali għandna nieħduha bħala opportunità biex infittxu ġo fina u nikkontribwixxu b’xi mod ħalli ngħinu lil dawn in-nies.

L-appell aħħari ta’ Mark Xuereb huwa biex, “ilkoll ningħaqdu u nuru kif għal darb’oħra minn kull kriżi hemm opportunità u din hija li ngħinu lil dawn in-nies”. 

Jekk hemm xi persuni li jafu li qegħdin ikunu affettwati b’dawn il-ġrajjiet sfortunati u traġiċi fl-Ukrajna, jistgħu jċemplu lil Crisis Resolution Malta fuq 9933 9966. Dan b’mod speċjali l-Ukreni jew qraba tagħhom f’Malta u Għawdex li qegħdin iħossuhom ittormentati jew fi kriżi. Fittxu l-għajnuna. Il-Crisis Team lest li jgħinkom. 

Ekonomija

Sport