Friday, November 15, 2024

Għajta għall-għaqda bejn in-nisa fil-ġlieda favur id-dritt tal-ħajja

Ikomplu jsostnu l-fehma tagħhom wara l-każijiet ta’ Andrea Prudente u Bernice Cassar

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’pajjiżna l-pjaga tal-vjolenza domestika, li fl-agħar forma tagħha huwa l-femiċidju, hija realtà li qiegħda thedded lil ħafna nisa li jsofru fil-kwiet imbeżża’ mill-predatur tagħhom f’soċjetà li  mhiex tipproteġihom biżżejjed. Din is-sofferenza, li dahri kienet tinżamm mistura, qiegħda toħroġ fil-miftuħ aktar ma’ numru ta’ nisa qegħdin jitilfu ħajjithom fosthom dik l-aktar riċenti, Bernice Cassar. Aktar minnhekk, ilum il-ġurnata l-affarijiet qegħdin jinkixfu permezz tal-midja soċjali li twassal firxa wiesgħa ta’ aħbarijiet f’ħin reali, kif ukoll twassal messaġġi minn ħafna gruppi ta’ diskussjoni u rakkonti. 

Għadd ta’ gruppi ta’ sostenn qegħdin jiddiskutu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar diversi sitwazzjonijiet li jiffaċċjaw kif ukoll l-opinjonijiet tagħhom dwar suġġetti jaħarqu inkluż dak li għaddej bħalissa dwar l-emenda tat-tqala wara l-każ ta’ Andrea Prudente. 

Quddiem xenarju fejn il-mara tħossha mhedda, mhux emmnuta, mhux mgħejjuna u saħanistra bla vuċi, grupp partikolari fuq il-midja soċjali qiegħed isejjaħ għal għaqda fost in-nisa biex iqumu flimkien għall-bidliet meħtieġa f’pajjiżna. Bidliet li jinkludu azzjoni bi strutturi effiċjenti kontra l-femiċidju u vuċi favur l-emenda tat-tqala li ssalva proprju nisa bħalhom.

In-nisa mhumiex jiġu emmnuti u meħuda bis-serjetà

“Nirringrazzjakom kollha għal dan il-grupp. Ħolqna komunità b’sostenn u naqsmu esperjenzi li jagħmlu dan il-grupp verament uniku. Illum sirt naf li l-għażiża tagħna Bernice sabet l-avukata abbli li kellha fuq dan il-grupp stess fejn din tal-aħħar għamlet dak kollu li setgħet biex tipproteġi lil Bernice. Għalhekk dan il-grupp. Dan huwa biex aħna n-nisa naqbżu għal xulxin, nemmnu lil xulxin, ma niġġudikawx lil xulxin… u biex inkunu flimkien fil-mumenti li verament ikollna bżonn”. 

Hekk beda messaġġ ta’ għaqda fost in-nisa li ġibed mhux biss l-attenzjoni tal-ħafna membri iżda anke ta’ Talk.mt fejn bħala sit dejjem naraw li nagħtu vuċi lil min iħoss lil min m’għandux kif ukoll li nqajmu kemm jista’ jkun għarfien għal dak li qiegħed jiġri jew jinħass hemm barra.

Din il-persuna qalet li f’dawn l-aħħar ġranet ħassietha mweġġa’ ħafna minn kummetri riċenti fil-Parlament minn għadd ta’ “rġiel suppost intelliġenti li qegħdin jippruvaw iġibuha li Andrea Prudente kkawżat is-sitwazzjoni tagħha fuqha stess”. Hija stqarret li tħoss weġgħa kbira għax għal għexiren ta’ snin in-nisa ma ġewx emmnuti jew meħuda bis-serjetà meta ħajjithom, bħal fil-każ ta’ Bernice; meta n-nisa jaħsbu li huwa t-tort tagħhom li ġew stuprati; meta n-nisa ma jiġux emmnuti li l-ulied ma jridux jaraw lil missierhom li jkun abbużiv; meta ma jkunux emmnuti li huma vittmi ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol; meta ma jkunux emmnuti li huma miġugħa jew li tqala tista’ tikkawżalhom problemi ta’ saħħa mentali severi u meta ma jiġux emmnuti fuq ħafna sitwazzjonijiet iebsa oħra.

Qalet li, “allura, meta l-mexxejja tagħna stess jirredikolaw mara li tilfet it-tarbija li tant xtaqet, inħoss li morna lura 100 sena u ninkwieta ħafna fuq il-futur tagħna n-nisa”.

Din il-mara fl-istess post li dan is-sens ta’ disprament jitlaq meta tirċievi telefonata jew messaġġ minn xi nisa li sabu l-għajnuna permezz ta’ dan il-grupp. “Nara kemm ilkoll kemm aħna ngħinu lil xulxin u nagħtu lil xulxin. Niftakar l-affarijiet kbar li aħna n-nisa nistgħu niksbu meta aħna magħqudin bħalma aħna flimkien f’dan il-grupp,” kompliet din l-amministratriċi.

Hija spjegat kif tul is-snin in-nisa għamlu avvanzi però stqarret kif dawn il-każijiet riċenti juru li ħafna għadhom qegħdin jipprovaw jifirdu lis-sess femminili. Insistiet li, “ħafna ma jemmnux li aħna, bħala nisa, nafu x’inhu l-aħjar għal uliedna u li aħna, bħala nisa, nafu x’inhu l-aħjar għalina. Għal darb’oħra qegħdin inbatu minħabba deċiżjonijiet magħmula minn irġiel fil-poter”. 

Din il-mara u magħha qablu ħafna u ħafna oħrajn li kkummentaw, sostniet li għal snin sħaħ l-irġiel iddominaw fuq in-nisa b’mentalità ta’ “diviżjoni u ħakma” biex jifirdu lin-nisa fuq kwistjonijiet li jolqtu lilhom fosthom – responsabbiltajiet tal-familja, xogħol, edukazzjoni, u drittijiet sesswali u riproduttivi. Issa, hija tħoss li dan qiegħed jerġa’ jsir minn persuni li qegħdin jipprovaw jiddiskreditaw kemm lil Bernice dwar il-veritajiet li qalet fuq iż-żwieġ tagħha, kif ukoll lil Andrea Prudente u s-sitwazzzjoni tagħha b’kumplikazzjonijiet fit-tqala.

Saħqet u għalqet b’messaaġġ – “m’għandniex inħalluhom jaqsmuna. Permezz ta’ dan il-grupp ħloqna xi ħaġa speċjali. Ejja ħa naħsbu b’moħħna u ma nħallux lill-politiċi jifirduna u jgħidulna kif għandna ngħixu ħajjitna. Ejja nkunu aħna li niddeċiedu għalina nfusna bis-saħħa u l-indipendenza tal-ħsibijiet tagħna li tassew jagħtuna l-kuntentizza  tagħna. Ejja nkunu nisa għal nisa u nuru li nemmnu u nafdaw f’xulxin. Ejja nagħmlu dan għal ommijietna li fl-imgħoddi sofrew u għat-tfal bniet tagħna li jistħoqqilhom pajjiż li jħobbhom u jemmen fihom. Ejja nagħmlu dan għalina għax ilkoll kemm aħna ħaqqna li nkunu emmnuti u li ningħataw widen”.

In-nisa man-naħa tal-Oppożizzjoni…

Kienu ħafna n-nisa li kkumentaw għal dak li qalet din l-amministratriċi u barra li qablu ma’ dak kollu li qalet, kien hemm ħafna kummenti minn angoli differenti tal-argument. Persuna qalet li tinsab inkwetata l-aktar min-nisa stess li jiddubitaw u ma jemmnux kemm hija mifruxa l-problema tal-vjolenza domestika f’Malta. 

Qablet magħha mara li qalet li l-aktar ħaġa li xxokjatha kienet dik li nisa fil-parlament stess ċapċpu għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech. Din żiedet tgħid li huwa ta’ xejn li permezz tal-kwota jkun hemm aktar nisa fil-parlament biex imbagħad jimxu wara l-mexxejja tagħhom.

“L-istupidaġni, is-sistema partrijarka, il-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ ġustizzja għal nisa bħal Bernice jqanqluli ħafna rabja,” stqarret mara oħra. Ingħad ukoll li sfortunatament hemm nisa li jattakkaw nisa oħra talli ma jaqblux bejniethom fuq suġġetti bħalma huwa l-abort. 

Li mara minnhom ma felħitx għalih kien “il-gideb li sar fuq il-Prim Ministru Robert Abela fejn qalu li ftiehem apposta ma’ Prudente u s-sieħeb tagħha biex imexxi l-aġenda tiegħu fuq l-abort. Jaħsbu li aħna injoranti u li se nemmnu dan kollu. Imma sfortunament hemm min jemminhom”.

Fost it-talbiet minn wħud minn dawk li kienu parti mid-diskussjoni, l-aktar talba li spikkat u ġiet ripetuta kienet dik li l-Istat għandu jsaħħaħ aktar ir-riżorsi fil-pulizija b’uffiċjali li lesti jemmnu u jieħdu azzjoni konkreta u fil-ħin. In-nisa f’dan il-grupp kollha jemmnu li flimkien huma aktar b’saħħithom u li fl-għaqda jistgħu jibdlu l-liġijiet li għandna “għax il-qtil ta’ Bernice u ta’ qabilha juru li tmiem traġiku bħal tagħhom jista’ jmiss lil kull mara, lil kull ħabiba, lil kull oħt jew lil kull bint”. 

Is-sentiment f’dan il-grupp huwa ta’ għaqda li avolja t-triq għadha twila, “aħna n-nisa biss nistgħu nagħmlu l-bidla meħtieġa u din il-bidla nistgħu nagħmluha billi nkunu magħquda flimkien”.

Ekonomija

Sport