Sunday, December 22, 2024

Għal amministrazzjoni aktar effiċjenti tal-art agrikola tal-gvern

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri, ħabbar li l-kabinett approva l-promulgazzjoni ta’ emendi għar-Regolamenti dwar l-Art Agrikola tal-Gvern (LS 573.06). L-iskop ta’ dawn l-emendi huwa li jirrazzjonalizzaw u jissimplifikaw il-proċessi attwali tal-Awtorità tal-Artijiet għat-trasferiment, għall-allokazzjoni, għad-disponiment u għall-amministrazzjoni ġenerali ta’ art li hija proprjetà tal-gvern mogħtija b’titolu ta’ Kiri Agrikolu (Qbiela).

L-emendi proposti huma mfassla biex jipprovdu soluzzjonijiet għal għadd kbir ta’ talbiet pendenti għat-trasferiment u għall-allokazzjoni ta’ fondi agrikoli. Ir-regolamenti attwali jwasslu għar-rifjut ta’ dawn it-talbiet. L-emendi proposti huma għalhekk meħtieġa biex isolvu l-istaġnar li ilu jeżisti dwar diversi kwistjonijiet u li jistgħu jiġu solvuti permezz tar-razzjonalizzazzjoni tar-regolamenti.

Ir-regolamenti l-ġodda għandhom ineħħu l-ostakli attwali għat-trasferiment ta’ art agrikola bejn membri tal-familja, jew lil partijiet terzi fil-każ ta’, pereżempju, l-irtirar tal-bidwi attwali.

Ostakli legali bħal dawn, illum jinkludu, limiti għad-daqs tal-bini fir-rigward ta’ trasferiment ta’ fondi, il-ħtieġa li jinkiseb permess minn kokerrejja in solidum, u d-diffikultà fir-rikonoxximent tal-kokultivaturi bħala s-suċċessuri leġittimi tal-kirja.

Barra minn hekk, ir-regolamenti għandhom iwasslu wkoll għall-ipproċessar ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet antiki għar-rikonoxximent ta’ kerrejja jew trasferiment ta’ fondi, li minħabba dawn l-ostakli legali, ilhom pendenti għal ħafna snin.

Dan kollu jfisser li bdiewa li ilhom ħafna snin jagħmlu użu minn art tal-gvern, issa jistgħu jserrħu rashom li ġenerazzjonijiet futuri se jkunu jistgħu jkomplu f’din l-attività mingħajr ħafna piżijiet burokratiċi.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-gvern qed jissokta fil-wegħda tiegħu li jgħin lil dawk il-bdiewa kollha li jixtiequ jsostnu f’din l-attivita f’settur tant importanti għall-ekonomija, u dan billi jipprovdi l-mezzi sabiex tiġi garantita l-vijabbiltà tal-art agrikola.

Fil-jiem li ġejjin, il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija ser iħabbar aktar dettalji dwar dawn l-emendi għar-regolamenti preżenti.

Ekonomija

Sport