Fir-rapport eGovernment Benchmark 2025 maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea, li fih janalizza servizzi governattivi online tal-membri stati Ewropej matul is-sena li għaddiet, is-Servizz Pubbliku Malti reġa’ kiseb l-aqwa riżultati.
Malta kisbet riżultat perfett f’numru ta’ oqsma fosthom f’servizzi diġitali li jolqtu liċ-ċittadin direttament fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.
Malta kisbet ukoll punteġġ massimu f’oqsma diġitali ġenerali bħal:
Sapport lill-utent – Kemm is-sapport li ċ-ċittadini jingħataw online meta jużaw servizzi diġitali governattivi huwa b’saħħtu u adegwat.
Trasparenza – Kemm is-servizzi diġitali governattivi huma ddisinjati bl-involviment taċ-ċittadin u kemm jingħataw b’metodi informattivi u trasparenti.
Mobile friendly – Kemm is-servizzi diġitali governattivi jkunu adattati għal smartphones u tablets.
Cross Border ePayments – Kemm is-servizzi diġitali governattivi joffru faċilitajiet ta’ ħlas minn membri stati Ewropej.
Meta tikkumpara kollox, Malta ġabet riżultat ta’ madwar 18% aqwa mill-medja Ewropea fejn jirrigwardja servizzi diġitali pubbliċi u 14% aqwa mill-medja Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi għan-negozji.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana qal li dan huwa konferma oħra ta’ kemm l-investimenti kollha li saru fit-teknoloġija, f’dawn l-aħħar snin, qed iħallu l-frott. “Dan ir-rapport mhuwiex punt ta’ wasla, imma stimulu biex bħala amministrazzjoni nibqgħu ntejbu s-servizzi tagħna b’għodod ġodda li tipprovdilna t-teknoloġija moderna fosthom l-Intelliġenza Artifiċjali.” Huwa sostna li riżultati ta’ dan it-tip jikkonfermaw kemm l-uffiċjali pubbliċi Maltin huma ddedikati biex iwasslu servizzi diġitali tal-ogħla livell fejn iċ-ċittadini jaċċessaw dawn is-servizzi bl-akbar faċilità.