Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba u l-passjoni tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont żgħir. Dejjem kont inħobb nara l-maġija tat-tim nazzjonali Brażiljan, li dejjem ġibdu l-għajn tiegħi bil-kreattività tagħhom. Ma kienx biss logħob – kien bħall-maġija, u minn hemmhekk, l-imhabba tiegħi nġibdet wisq għall-futbol.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Direttur Tekniku / Head Coach tat-tim tan-nisa ta’ San Ġwann FC.
Dan l-istaġun uffiċjalment ħadt ir-rwol ta’ Head Coach tat-tim tan-nisa f’San Ġwann kif ukoll ta’ Direttur Tekniku tat-tim tal-kbar. Dan ir-rwol jinvolvi ħafna xogħol li kultant ma jidhirx, iżda huwa essenzjali għat-tkabbir u s-suċċess tal-klabb. Bħala Head Coach u Direttur Tekniku, l-għan tiegħi hu li nkabbar il-klabb u ninvesti fi plejers żgħar – nibdew minn etajiet żgħar ħafna sal-Under 21.
Meta ngħid “ninvesti fihom”, irrid ngħid li nagħti ċ-ċans lill-plejers tagħna jkollhom l-aħjar taħriġ u coaching possibbli, noħolqu opportunitajiet għalihom, u niggwidawhom mhux biss fil-futbol iżda wkoll fid-dinja ta barra mill-futbol. Il-ħsieb tiegħi hu li nagħmlu dan kollu b’viżjoni ċara u b’passjoni, sabiex kull plejer iħossu parti minn proġett serju u b’saħħtu.
Ir-rwol ta’ Direttur Tekniku tat-tim tal-kbar huwa daqsxejn differenti, iżda ħafna mill-prinċipji huma l-istess. Dan ir-rwol jinvolvi ħafna xogħol strateġiku: nippreparaw ghal l-istaġun li jmiss flimkien mal-kowċis, il-president u l-kumitat, nibdew minnufih wara li jintemm l-istaġun. Nitkellmu fuq tattika, x’hemm bżonn jiżdied, kif nirfinaw l-iskwadra, liema plejers ġodda għandna nbiddlu jew inżidu, inkluż plejers barranin, u min ma jkunx aktar parti mill-pjan tal-klabb.
Bħalma għidt qabel, il-prinċipji jibqgħu l-istess: irridu ninvestu fi plejers żgħażagħ u nagħtuhom ċans fil-livell tal kbar. Dan hu wieħed mill-ikbar bonuses, li nagħtu opportunità lil dawk li għadhom fl-Under 21 biex juru l-potenzjal tagħhom u jitgħallmu minn plejers aktar esperjenzati.
Kemm huma differenti dawn ir-rwoli minn dak ta’ plejer?
Dawn iż-żewġ rwoli huma kompletament differenti minn dak ta’ plejer. Bħalma taf, jiena wkoll plejer ma’ San Ġwann FC, imma nista’ ngħid li għalkemm it-tlieta għandhom x’jaqsmu mal-futbol, ir-responsabbiltajiet huma totalment differenti.
Meta tkun plejer, il-fokus tiegħek hu fuq id-dmirijiet tiegħek: tmur għat-taħriġ, taħdem ma’ sħabek fit-tim u tagħti l-aħjar prestazzjoni tiegħek biex tgħin lit-tim jilħaq il-miri tiegħu.
Imma meta tkun Head Coach, ir-responsabbiltà hi ħafna ikbar. Mhux biss fuq ix-xogħol tiegħek, imma fuq ix-xogħol ta’ kulħadd fil-klabb. Irrid niżgura li l-kowċis l-oħra qed jagħmlu xogħolhom b’mod professjonali, li l-plejers qed jagħtu l-aħjar tagħhom, u li kull ħaġa tkun organizzata mill-aħjar. Hemm ukoll aspetti oħra li bħala plejer qatt ma taħseb fihom – bħal kif niffaċċja lill-ġenituri tat-tfal, kif timmaniġġja sitwazzjonijiet diffiċli, u kif tibni pjan fit-tul għall-iżvilupp tal-klabb.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
Il-klabb, is-sena li għaddiet, laħaq ħafna mit-tragwardi li stabbilixxejna fil-bidu tal-istaġun. Kien hemm mumenti diffiċli ħafna, speċjalment meta l-klabb għadda minn sitwazzjonijiet iebsa, iżda ddeċidejna li nkomplu nimxu mal-pjan tagħna.
Meta dħalt għall-ewwel darba fil-klabb sentejn ilu, għamilna tragward ċar: irridu nibnu pass wara pass. L-ewwel staġun lħaqna l-għan tagħna, imma ma konniex sodisfatti.
Għalhekk, fl-istaġun li għadda ffukajna fuq ħaġa waħda – niksbu l-identità tagħna. Ħdimna ħafna fuq akkwisti ġodda u bdejna naħdmu bħala tim. Nista’ ngħid li kien staġun ta’ suċċess għall-klabb: il-kbar spiċċaw fil-ħames post, kellna l-aqwa skorers tal-kampjonat li kienet l-attakkanti tagħna, u involvejna ħafna plejers żgħażagħ fit-tim tal-kbar.
Fil-livell tal-youths, kemm fl-Under 19s (li din is-sena se ssir Under 21s) kif ukoll fl-Under 16’s, lħaqna fejn xtaqna nkunu. Forsi ma kellniex l-aqwa riżultati, iżda kien l-ewwel pass lejn suċċess akbar fil-futur.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Dan l-istaġun se jkun il-“turning point” tal-klabb. It-tielet staġun tiegħi flimkien mal-kowċis, u qegħdin nħarsu lejh b’mentalità pożittiva ħafna. Għaliex? Għax nemmen li wasal iż-żmien li nagħmlu l-pass li jmiss għall-klabb tagħna.
It-tragwardi li stabilixxejna din is-sena huma ferm akbar minn dawk tas-snin ta’ qabel. Ovvjament, dawn mhux se jinkisbu waħedhom. Għalhekk, qegħdin naħdmu ħafna biex nilħqu fejn nixtiequ naslu. Jiena nemmen li nistgħu nagħmluha!
Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-futbol tan-nisa f’Malta kiber ħafna fl-aħħar snin. Nista’ ngħid li l-livell sploda, speċjalment bl-akkwisti tal-barranin ta’ kwalità għolja li hawn fil-kampjonat Malti. Dan jgħin ħafna lill-plejers Maltin biex jogħlew il-livell tagħhom ukoll.
Aktar ma jogħla l-livell tal-kampjonat, aktar it-tim nazzjonali tagħna jkollu ċans jikseb suċċessi akbar fil-futur.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Din il-mistoqsija hija diffiċli biex inwieġeb, għax il-limitazzjonijiet li għandna f’Malta huma kbar. Għad hawn min jipprova jpoġġi t-tfajliet fl-aħħar post, iżda grazzi għal dawk li qed jaħdmu fis-settur tan-nisa, qegħdin nippruvaw inbiddlu dan u nagħtu aktar rikonoxximent lill-futbol tan-nisa.
Il-logħob tal-kampjonat normalment isir f’postijiet bħas-Centenary Stadium, Ħad-Dingli u l-Imġarr. Madankollu, hemm bżonn ta’ venues aħjar bħal dak ta’ Ta’ Qali. Sfortunatament, dawn l-affarijiet mhumiex f’idejna u rridu naħdmu b’dak li jkollna disponibbli.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Il-mentalità tal-isport f’Malta, sfortunatament, għadha lura ħafna. Meta tqabbel ma’ pajjiżi barra minn Malta, hemm il-fatt li jqisu l-isport bħala xogħol full-time u joffru aktar għajnuna. Dan naturalment jgħolli l-livell.
Bilmod il-mod qegħdin jinbidlu wkoll, iżda rridu nibdew nagħtu prijorità lill-isport qabel affarijiet oħra. Irridu nagħmlu għażla f’ħajjitna: jew irrid inkun kowċ u naħdem biex nagħmilha full-time, jew inkella ma nistax nilħaq il-livell li hemm barra.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Bħalma dejjem ngħid, jien persuna li rrid nasal u nilħaq l-aqwa livell possibbli. Bħalissa bħala plejer għadni nilgħab fit-Tieni Diviżjoni ta’ Malta, iżda xorta nemmen li nista’ nasal fil-Malta Premier.
Bħala kowċ, il-pjan tiegħi hu li nwassal lil San Ġwann FC fl-ogħla livell u nkunu wieħed mill-aqwa klabbs f’Malta. Wara li nasal u nilħaq dan it-tragward, il-pass li jmiss tiegħi hu li nkun kowċ nazzjonali tat-tim tan-nisa ta’ Malta.
Għaddi messaġġ finali speċjalment lil dawk il-bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Nixtieq inwassal messaġġ importanti lil kull tfajla u mara li tixtieq tagħmel karriera fil-futbol: jekk tassew tridu taslu, qatt thallu l-limitazzjonijiet li hawn Malta jwaqqfukom. Uru kemm intom kapaċi u dejjem ibqgħu emmnu fikom infuskom.
U għal dawk in-nies li ma jemmnux fil-futbol tan-nisa – agħtuhom risposta fil-grawnd! Għaliex bil-passjoni u x-xogħol iebes, kollox hu possibbli!