Filwaqt li nsista li mhu qed ibiddel l-ebda verżjoni preċedenti, Vincent Muscat magħruf bħala l-Koħħu, fix-xhieda tiegħu lbieraħ sostna għal diversi drabi li ma jiftakarx wara diversi mistoqsijiet li sarulu mid-Difiża.
Muscat kompla jagħti x-xhieda tiegħu fil-ġuri li għaddejjin erba’ persuni b’rabta mal-omiċidju tal-Avukat Carmel Chircop li seħħ f’Ottubru tal-2015 u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.
L-akkużati huma l-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala “Ta’ Maksar”, Jamie Vella u George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż. Filwaqt li l-aħwa Agius, Vella u Degiorgio jinsabu akkużati b’reati relatati mal-omiċidju tal-Avukat Chircop, Robert u Jamie jinsabu akkużati wkoll li fornew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Huma qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Rene’ Darmanin, li qed jidher għal Robert Agius staqsa lil Muscat dwar il-pjan biex jinqatel l-Avukat Chircop. Dr Darmanin rrefera lix-xhud għall-AK-47 li ssemmiet fix-xhieda tiegħu.
Muscat qal li din l-arma kienet viċin saqajh fil-karozza li ntużat fid-delitt. Ix-xhud imbagħad ġie kkonfrontat b’xhieda li kien ta fl-2020 fejn qal li l-AK-47 qatt ma kienet issemmiet filwaqt li f’xhieda oħra ngħad li kien hemm żewġ armi fil-karozza. Ix-xhud wieġeb: “Jiena li niftakar Sinjura Mħallef li l-AK-47 ġabu Jamie Vella u tlaqna bih.”
Mistoqsi jekk huwa qattx spara xi armi f’ħajtu, Muscat qal: “X’għandhom x’jaqsmu fuq dan il-każ? Jiena qiegħed hawn biex nixhed fuq il-każ ta’ Dr Chircop.”
Muscat qal ukoll li l-karozza li ntużat fid-delitt kienet misjuqa minn George Degiorgio, warajh kien hemm Jamie Vella u huwa kien maġenb Vella.
Mistoqsi dwar x’sar minnha din il-karozza wara d-delitt, ix-xhud wieġeb “Safejn naf jien Jamie Vella qal li l-karozza kien se jieħu ħsiebha hu biex iqattagħha”.
L-Avukat Difensur imbagħad staqsieh jekk huwa kienx tħallas €20,000 biex sempliċiment jieħu rikba. “Jiena ma tħallastx biex nieħu rikba. Tħallast biex inkun hemm,” wieġeb ix-xhud.
Meta saritlu referenza għal dak li kien xehed qabel ma’ dak li qal issa fix-xhieda tiegħu, huwa għal diversi drabi wieġeb “ma niftakarx”.
Mistoqsi minn fejn ġiet l-arma li biha nqatel l-Avukat Chircop, huwa qal “l-armi jieħu ħsiebhom Jamie Vella.” Qal ukoll li l-arma li ntużat fid-delitt, Jamie Vella kien ramieha fil-baħar fejn hemm it-Tiger Bar fil-Marsa. Din l-arma iżda baqgħet ma nstabitx, filwaqt li kkkonferma li l-pulizija kienu ħaduh fil-post waqt li saru t-tfittxijiet għal din l-istess arma.
Huwa kompla jgħid li meta sema’ l-ewwel tiri li ġew sparati fid-direzzjoni ta’ Chircop, huwa dawwar rasu u tbaxxa. “Safejn naf jien, l-Avukat kien qiegħed iħares ’il ġewwa mill-garaxx,” qal ix-xhud.
Mistoqsi jekk fil-ħin tad-delitt kienx hemm nies oħra li kienu qed jużaw dawn il-garaxxijiet f’Birkirkara, Muscat wieġeb “ma niftakarx”. Qal li dakinhar George kien liebes beritta u maktur ma’ wiċċu filwaqt li hu u Jamie kienu lebsin balaklavi.
“Dawn il-balaklavi x’għamiltu bihom?”, staqsieh Dr Darmanin. Ix-xhud wieġeb “meta morna fl-appartament ta’ Jamie, kienu għadhom magħna dak il-ħin. Imbagħad armejniehom fl-iskips.” Għal aktar mistoqsijiet li sarulu huwa wieġeb “jiena m’iniex inbiddel l-ebda verżjoni. Qiegħed hawn biex ngħid dak li niftakar.”
Id-Difiża mbagħad qajmet punt ta’ dritt u rrimarkat kif fix-xhieda tiegħu, Vince Muscat iddikjara għal 82 darba li ma jiftakarx. “Kontinwament ma jiftakarx. Wasal iż-żmien li l-Qorti tfakkru x’inhu r-rwol tiegħu hawn,” qal l-Avukat Ishmael Psaila.
Kien hawn fejn l-Imħallef Edwina Grima, li qiegħda tippresjedi l-ġuri, weġbitu li l-Qorti diġa’ spjegat lix-xhud li qiegħed bil-proklama u wissietu għal darba, darbtejn sabiex jgħid il-verità.
Il-ġuri jkompli. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukat Nicholas Mifsud qed jidher għal Adrian Agius, l-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jidhru għal Jamie Vella filwaqt li l-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin qed jidhru għal Robert Agius.
L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgo.
L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia filwaqt li l-Avukat Vince Galea qed jidher għall-familja Chircop.