B’wieħed minn kull erba’ Maltin obeżi (26%) u fit-tfal ir-rata hija agħar għax tilħaq l-40%; sigħat twal bilqiegħda l-iskola u wara d-dar fuq it-teknoloġija; konsum ta’ ikel mhux san, problemi tas-saħħa mentali dejjem jiżdiedu u vizzji fosthom dak tad-droga, skema bħalma qiegħed jintroduċi l-Gvern ta’ gym b’xejn għaż-żgħażagħ tagħna tista’ ssarraf f’benefiċċji kbar. Skema li hija investiment fiż-żgħażagġ Maltin u Għawdxin għal ġenerazzjoni b’saħħitha, attiva u konxja dwar l-importanza tas-saħħa mentali u fiżika.
Fil-Baġit 2025 il-Gvern ħabbar u issa qiegħed joffri sitt xhur sħubija fil-gyms lil żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007. Din hija l-ewwel tax-xorta tagħha f’pajjiżna u turi viżjoni b’miri strateġiċi għal titjib fil-kwalità tal-ħajja. Il-benefiċċji tas-saħħa fiżika, mentali u psikoloġiċi jistgħu jsiru realtà b’din l-inizjattiva tant sempliċi imma qawwija. Aċċess ta’ sitt xhur b’xejn għal gym mhux biss jippromwovi stil ta’ ħajja b’saħħtu, imma joħloq ukoll spazji siguri fejn iż-żgħażagħ tagħna jistgħu jinbnew bħala individwi aktar kunfidenti u reżiljenti.
Ma ninsewx li l-attività fiżika tgħin ukoll fl-iżvilupp mentali u emozzjonali. Żgħażagħ attivi spiss ikollhom livelli ogħla ta’ konċentrazzjoni, motivazzjoni u kuntentizza. Dan jikkontribwixxi għal riżultati aħjar fl-istudji tagħhom u saħansitra jnaqqas ir-riskju ta’ nuqqas ta’ interess fil-ħajja pubblika jew devjazzjoni lejn il-kriminalità.
Barra minnhekk, skema bħal din tista’ sservi bħala pjattaforma għall-iżvilupp tal-karattru. Spazju bħalma huma gyms mhumiex biss dwar is-saħħa fiżika imma huma wkoll spazju fejn wieħed jitgħallem dixxiplina, ħidma f’tim u awtodixxiplina. Huma dawn il-valuri li nistgħu nittamaw li narawhom riflessi fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin – ġenerazzjonijiet li mhux biss jagħmlu għażliet tajbin għas-saħħa tagħhom, imma wkoll jitgħallmu jkunu ċittadini aktar impenjati, etici u forsi wkoll mexxejja tal-futur.
Ma rridux ninsew l-aspett ekonomiku. Inqas problemi ta’ saħħa jfissru inqas pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa fil-futur. Żgħażagħ b’saħħithom illum ifissru adulti b’saħħithom għada – li jfisser produttività ogħla, nuqqas ta’ dipendenza fuq servizzi soċjali u impenn akbar lejn il-komunità.
Għaldaqstant nemmnu li l-iskema ta’ gym b’xejn hija simbolu ta’ viżjoni vera: politika pubblika li tħares lejn is-saħħa b’mod olistiku u li tinvesti mhux biss fil-wellbeing immedjat, imma fil-futur tal-pajjiż. Jekk nemmnu verament li ż-żgħażagħ huma l-ġejjieni, ejjew nibdew billi nagħtuhom l-għodod biex jilħqu l-aħjar verżjoni tagħhom stess – b’saħħithom, b’responsabbiltà u b’tama. Finalment inħeġġu biex iż-żgħażagħ eliġibbli jieħdu din l-opportunità u jissieħbu f’gym.