Tmexxija b’saħħitha jrid ikollha viżjoni ċara li twettaq u ttejjeb il-pajjiż u l-komunitajiet tagħna. Matul l-aħħar snin, il-Gvern ħa passi deċiżivi biex jimmodernizza lil Malta, isaħħaħ l-ordni pubblika u jiżgura li l-progress ikun ġust u jżomm lill-poplu fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.
Fl-aħħar xhur, il-Gvern nieda politika ġdida dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema, qafas komprensiv maħsub biex jimmodernizza u jsaħħaħ ix-xogħol taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’Malta. Din il-politika tara li jkun hemm bilanċ bir-reqqa bejn il-ħtiġijiet ekonomiċi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema. B’kontrolli aktar stretti, verifiki qabel id-dħul fil-pajjiż u spezzjonijiet intensifikati li diġà daħlu fis-seħħ, il-messaġġ huwa ċar: l-opportunitajiet ta’ xogħol għandhom ikunu regolati u konformi mal-liġi.
F’Mejju 2025, il-Gvern introduċa taqsima ġdida tar-Road Traffic Police, speċjalizzata fl-investigazzjoni ta’ inċidenti serji tat-traffiku, b’mod partikolari dawk li jinvolvu fatalitajiet jew ġrieħi gravi. Permezz ta’ teknoloġija avvanzata u taħriġ speċjalizzat kontinwu, din it-taqsima wasslet għal investigazzjonijiet aktar effiċjenti u immedjati, b’uffiċjali li jservu wkoll bħala esperti fil-qorti.
Fl-istess ħin, il-Gvern kompla bir-riformi fis-sistema tal-ġustizzja u fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Qiegħed isir investiment sostanzjali fl-edukazzjoni, fit-taħriġ vokazzjonali u fl-infrastruttura, sabiex il-faċilità tiffoka aktar fuq ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni lura fis-soċjetà. Qiegħed isir xogħol fuq ċentri ta’ tagħlim u faċilitajiet li joffru dinjità lill-priġunieri u opportunitajiet għall-iżvilupp personali tagħhom, filwaqt li tinżamm is-sigurtà u l-ordni.
Bħala Sindku tal-Belt Valletta, dejjem emmint li l-politika vera trid tagħmel titjib reali fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Fil-ħidma tal-kunsill, naħdmu mill-qrib ma’ entitajiet governattivi, fosthom il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u l-pulizija tal-komunità.
Prijorità ewlenija kienet l-ordni pubblika u l-indafa żewġ sfidi li jaffettwaw direttament il-kwalità tal-ħajja tar-residenti Beltin. Fil-Belt Valletta ġew introdotti kameras bl-Intelliġenza Artifiċjali li jservu bħala sorveljanza sabiex, fost oħrajn, nindirizzaw ir-rimi illegali ta’ skart u l-vandaliżmu. Dan qed isir filwaqt li naħdmu id f’id mal-pulizija biex nirfsu komunità aktar sigura għar-residenti.
Investiment kompla jsir ukoll f’sistemi CCTV. F’Hastings Garden ġew installati 45 kamera biex titjieb is-sigurtà, jitnaqqas il-vandaliżmu u jiġu protetti spazji miftuħa.
L-impenn tiegħi jibqa’ li nkomplu nibnu komunità aktar sigura għall-Belt Valletta, u li tinżamm l-ordni u r-responsabbiltà sabiex il-Beltin jgħixu f’lokalità sigura u nadifa.

