Thursday, October 9, 2025

“Għal soċjetà aktar ġusta, soċjali u inklussiva”

Il-GWU tippreżenta l-proposti tal-Budget 2026 lill-Partit Nazzjonalista

Aqra wkoll

“Bħala GWU, filwaqt li ppreżentajna diversi proposti dwar id-dinja tax-xogħol  u l-leġiżlazzjoni marbuta miegħu,  qegħdin naraw li mmorru oltre dan kollu, bil-qofol tal-proposti ewlieni marbut mal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin. Proposti msejsa fuq il-viżjoni ta’ Malta 2050 biex tkun waħda ħolistika u fit-tul, qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja f’laqgħa li kellha l-amministrazzjoni ċentrali mal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg u mad-deputati Adrian Delia, Ivan Castillo u Jerome Caruana Cilia, fejn ġie ppreżentat id-dokument bil-proposti għall-Budget 2026 imħejji mill-GWU.

Semma’ li hekk kif id-dinja tax-xogħol qed tinbidel ħafna u b’rata mgħaġġla, l-ikbar problema li qed ikollna hi x’se jkun il-futur tad-dinja tax-xogħol. Huwa qal li bħala GWU temmen li t-tkabbir ekonomiku għandu jibda jiġi sostnut b’żieda fil-ħiliet, fil-kompetenzi u fl-abbiltajiet tal-ħaddiema. Hija temmen li l-ħaddiem irid itejjeb il-ħiliet tiegħu iżda li jissarraf f’ progress fil-karriera tiegħu.

B’rabta ma’ dan saħaq dwar l-importanza tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, hekk kif ħafna qed jisfaw għajjiena mentalment. Għalhekk il-proposti jesiġu li jerġa’ jsir emfasi fuq il-ħtieġa tar-remote working, tele working u r-right to disconnect. Proposta oħra hija dwar proġett pilota biex jitnaqqas il-ħin tax-xogħol, fejn jibdew jaħdmu ġimgħa ta’ 32 siegħa u jitħallsu ta’ 40 siegħa.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali, Kevin Camilleri tkellem dwar ir-realtà demografika ta’ Malta li saret waħda mill-aktar sfidi għas-sostenibbiltà soċjali u ekonomika fit-tul tal-pajjiż. Qal li filwaqt li l-anzjani tagħna qegħdin dejjem jgħixu aktar, qed jitwieldu inqas tfal. Għalhekk il-GWU tipproponi approċċ komprensiv biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet.

“Nappellaw għal aktar inċentivi għall-familji żgħażagħ, inkluż tnaqqis fit-taxxa, sussidji fuq self għad-djar jew kera, u benefiċċji estiżi anke fuq il-post tax-xogħol. Minbarra hekk irridu nbiddlu l-mentalità li ġiet ikkreata matul iż-żmien, u minflok nisħqu fuq l-importanza tas-sostenibbiltà tal-familja,” qal Camilleri.

Fid-dokument il-GWU tagħmel emfasi fuq l-ambjent fil-lokalitajiet tagħna u d-dixxiplina ċivika fil-pajjiż. Il-ħtieġa ta’ aktar sens ċiviku, fejn aħna nfusna nkunu dixxiplinati għal kwalita ta’ ħajja tajba.

“Hekk kif nemmnu li jeħtieġ tingħata aktar għajnuna liċ-ċittadin biex igawdi l-ħajja, bħalissa qegħdin naħdmu biex naslu għal Ftehim uniku bejn il-GWU, il-Motor Fleet Operators u l-pjattafromi diġitali  biex  nagħtu d-dinjità lill-ħaddiema f’dan is-settur, kif jixirqilhom. Dan kollu jwassal għal soċjeta aktar ġusta, aktar soċjali, li tgħin liċ-ċittadini li jgħixu l-ħajja tagħhom b’mod kwalitattiv,” temm jgħid Bugeja.

Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li l-laqgħat li qed jagħmlu ma’ diversi msieħba soċjali fejn qed jiddiskutu l-proposti għall-baġit li ġej huma pożittivi hekk kif is-settur tax-xogħol huwa importanti ħafna għalihom, biex proprju jkomplu jissaħħa l-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema f’pajjiżna. Qal li huwa ta’ pjaċir għalihom jaraw li l-proposti tal-GWU imorru oltre mid-dinja tax-xogħol, hekk kif jindirizzsaw diversi sitwazzjonijiet kruċjali marbutin ma’ pajjiżna fosthom semma’  l-infrastruttura, l-importanza tal-ambjent rurali u urban u ż-żgħażagħ fost oħrajn.

“Fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista saret ukoll emfasi fuq is-settur tal-impjieg. Aħna nemmnu li trid issir aktar emfasi fejn tidħol il-kwalità tal-ħajja u l-bżonn ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-mistrieħ. Filwaqt li diġà qed issir ħidma biex tiġi implimentata d-Direttiva tal-Work-Life Balance, nemmnu li għad hemm x’isir. Ħafna mill-problemi li qed naffaċċjaw fl-ekonomija u fis-soċjetà tagħna jistgħu jkunu relatati wkoll mal-iżbilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Għalhekk huwa importanti li nsibu dan il-bilanċ,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg.

Semma’ li ftit ilu l-PN ħareġ proposti li diġa kienu ssemmew fil-passat dwar inċentivi relatati mat-trobbija tal-familja biex aktar familji jkollhom aktar tfal. Dan hekk kif minn diversi statistiċi li ħarġu, Malta hija waħda mill-pajjiżi bl-akbar fertilita baxxa fl-Ewropa u anke b’mod globali.

Huwa qal li jinsabu inkwetati hekk kif jemmnu li bħala Gvern irid jissalvagwardja l-ġens Malti u Għawdxi. Sitwazzjoni li trid tiġi indirizzata llum qabel għada.

“Iż-żgħażagħ huma punt kruċjali f’pajjiża u għalhekk irridu nindirizzaw is-sitwazzjoni preżenti b’mod ħolistiku hekk kif ħafna żgħażagħ qed jagħżlu li jitilqu minn pajjiżna. Minflok għandna ninvestu fit-talenti li għandna f’pajjiżna u ma nitilfuhomx,” saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Rigward il-gżira Għawdxija huwa qal li huma jaqblu fuq il-punt kruċjali msemmi fil-proposti tal-GWU li hi l-konnettivita li tgħaqqad il-gżejjer tagħna biex inkomplu ninċentivaw l-effiċjenza u l-kompetittivita tal-gżira Għawdxija fuq skala ekonomika. Semma’ li hemm ħtieġa li permezz ta’ diversi fondi li nistgħu nagħmlu użu minnhom, il-Gvern għandu jinvesti fi flotta ġdida, aktar ekoloġika u effiċjenti li ssaħħaħ il-konnettivita li tlaħħaq mal-istandards tal-lum, dawk Ewropej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport