Saturday, December 21, 2024

GĦALA L-PN MA JISTAX JAQBAD ART

Aqra wkoll

Jgħaddi kemm jgħaddi żmien, il-PN dejjem baqa’ bl-istess problema mill-2008 ‘l hawn. Kap wara Kap, bidliet wara bidliet, dejjem baqa’ staġnat fejn tidħol il-popolarità tal-Partit. Għad-dirittura, mhux talli baqa’ staġnat, imma talli skont l-aħħar surveys ippublikati saħansitra naqqas fil-popolarità.

Imma għalxiex ġara hekk? Indubjament, li l-ewwel problema tal-PN f’dan ir-rigward hija l-fatt li huwa Partit bla identità. L-unika identità tal-Partit li baqgħet fis-seħħ, hija l-fatt li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex il-Partit Laburista. Minn banda għandek nies li huma konservattivi, li li kien għalihom la hawn divorzju, la għandek progress fid-drittijiet ċivili, u wisq anqas għandek progress fil-qasam soċjali. Umbagħad pero’ għandek sezzjoni ta’ nies li trabbew f’ambjent urban, li huma ħafna aktar liberali. Kważi kważi huma uħud fost l-aktar nies liberali fil-pajjiż, tant li huma pro-choice, favur il-legaliżżazzjoni tal-kannabis, u anke favur riformi oħrajn. Kważi kważi, tgħid imma dawn in-nies għala baqgħu nazzjonalisti? It-tweġiba m’għand dawn in-nies dejjem tkun il-kwistjoni tal-korruzzjoni. Xi ħaġa li fil-qalb ta’ qalbhom, dawn in-nies jafu li hija messa in scena, għaliex bejn l-2013 u l-2016, meta l-Panama Papers kienu għadhom ma ħarġux, xorta baqgħu jappartjenu għall-PN. Ngħiduha kif inhi, ma tantx kienet tagħmel sens li tgħid li inti nazzjonalist għax inti anti-korruzzjoni, meta tlett snin qabel il-PN kien għadu ħiereġ mill-Gvern, bi stejjer liema bħalhom. 

Is-sabiħa tafu xinhi? Li dawn in-nies umbagħad ikunu l-istess nies li jitkellmu fuq it-tribaliżmu politiku f’pajjiżna. Bħal li kieku d-deċiżjoni tagħhom li jibqgħu jappartjenu għall-Partit Nazzjonalista mhux frott mentalità tribali wkoll. Imma taf int… it-tribaliżmu aċċettabbli għal uħud, imma għal oħrajn le.

Dan iġibni għat-tieni problema tal-PN. It-tieni problema tal-PN hija l-mentalità imsejħa tal-holier than thou, li tista’ wkoll tiġi mpenġija bħala elitiżmu. Id-double standards fi kliem ieħor. Tgħiduli allura x’tippretendi? Li l-PN ma jitkellimx meta l-Partit Laburista jagħmel affarijiet ħżiena? Ovvjament li l-PN għandu jitkellem, biss pero’, aktar mill-kliem hija importanti l-azzjoni. Jekk huwa mgħaruf li l-PN għandu fi ħdanu nies li fil-passat mxew u għamlu affarijiet ħżiena, mela dawk in-nies għandhom jiġu mneħħija kemm jista’ jkun malajr. Ma’ jistax ikun li lil ħaddieħor nippretendu li jagħti l-110%, meta mbagħad aħna nagħtu 10%, u l-PN, sfortuntament, hekk jidher li qed jagħmel fir-rigward tal-imġieba ta’ nies fi ħdanu, u nies li ġejjin mill-PL.


Kien hemm min semma l-fatt li l-PN għandu jinqasam wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss, u li minnhu joħorġu Partit Liberali u ieħor Konservattiv. Forsi tista’ tkun xi ħaġa li taħdem? Wara kollox jistgħu jagħmlu manifest elettorali  flimkien fejn tidħol l-amministrazzjoni ġenerali u ekonomija, umbagħad manifest elettorali ieħor separat fuq kwistjonijiet soċjali. Biss anke jekk jiġri hekk, jaf ikollok sitwazzjoni li tikkrea aktar konfużjoni, u li twassal biex dak li jifdal mill-PN ikun biss frak.


Hemm ħaġa oħra li wieħed irid jikkunsidra. Din il-ħaġa hi li l-Partit Laburista, jibqa’ dejjem aktar b’saħħtu minħabba li n-nies jibżgħu mill-Partit Nazzjonalista. Forsi diment li l-PN jibqa’ ma jinbidilx, il-Partit Laburista ser jibqa’ jisssaħħaħ, speċjalment issa li għandek Prim Ministru li jidher li qed jieħu azzjoni deċiżiva fuq kwistjonijiet ta’ governanza.


Biex nikkonkludi, nixtieq nagħlaq b’mistoqsija: X’jiġrilu l-Partit Laburista, kieku l-Partit Nazzjonalista kellhu jinqasam, jew inkella jispiċċa darba għal dejjem? Jissaħħaħ, jew jitlef mis-saħħa konsiderevoli li għandu? Jaf fil-bidu jissaħħaħ, imma mbagħad, wara ftit xhur u snin, żgur ma jibqax jiekol minn fuq l-inkompetenza, id-double standards u t-taħwid tal-PN. Tislijiet lil kulħadd.

Ekonomija

Sport