Sunday, November 24, 2024

Għala l-Ukrajna hija daqshekk importanti?

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bħalissa għaddejja invażjoni militari Russa fil-pajjiż ġar tal-Ukrajna. Invażjoni li qiegħda twassal għal ħafna sofferenzi u tiswa l-ħajjiet miż-żewġ naħat. Minn raġunijiet territorjali, ġeo-politiċi, kulturali, reliġjużi jew/u ta’ difiża, il-fatt jibqa’ li ebda waħda minn dawn ma jiswew daqs il-ħajjiet innoċenti li ta’ kuljum qegħdin jintilfu. Sal-bieraħ mal-200 Ukreni, fosthom anke tfal, sfaw maqtula mentri aktar minn elf, li minnhom huma 33 tfal, sfaw feruti. Ir-Russi wkoll qalgħu daqqa ta’ ħarta f’dan il-ġlied u għalkemm in-numru eżatt tal-vittmi ta’ din il-gwerra huwa diffiċli biex ikun magħruf bl-eżatt, uffiċjali tal-Ukrajna qalu li nqatlu aktar minn 3,500 suldati Russi.

Qisu mhuwiex biżżejjed li l-umanità għaddiet u għadha għaddejja mill-burraxka tal-pandemija qattiela tal-Covid-19. Issa, li għadna mhux kompletament jew garantit li ħlisna mill-Covid-19, qamu r-Russi. Min-naħa għandek pajjiż Komunist b’saħħtu militarment li bħala mexxej għandu lil Vladimir Putin b’ras iebsa li qatt m’aċċetta l-indipendenza tal-Ukrajna u min-naħa l-oħra hemm il-poplu tal-Ukrajna, li mingħalih kien se jkollu l-appoġġ tal-pajjiżi tal-Punent u dak tal-Istati Uniti u s’issa baqa’ b’xiber imnieħer. 

Ir-raġuni m’hija xejn inqas mill-flus… flus f’forma ta’ riżorsi

Hekk kif ir-Russi qegħdin jattakkaw diversi punti strateġiċi fl-Ukrajna, uffiċjali tal-Ġnus Magħquda (UN) ħabbru influss qawwi ta’ nies li qegħdin jaħarbu, ammont smat li laħaq il-150,000 ċittadini. L-istess UN, li ddeplorat bil-qawwi l-invażjoni Russa, qiegħda tikkalkula li sa ħames miljun Ukrajni se jkollhom jitilqu minn art twelidhom proprju minħabba biżgħa għal ħajjithom.

L-Ukrajni u l-President tagħhom, Zelensky, jittamaw u qegħdin jiġġieldu bi snienhom għad-demokrazija. Issa li l-bombardamenti, l-isparar u l-ġlied daħal fil-ħames jum tiegħu, wieħed jittama li f’dan id-dlam, tirrenja r-raġuni forsi fl-aħħar naraw raġġ ta’ dawl. Raġġ ta’ tama. 

Eluf ta’ persuni, inkluż f’Malta, qegħdin jipparteċipaw fi protesti kontra l-gwerra u fost l-aktar li ssorprendiet li ħadet pożizzjoni paċifika, hija proprju bint il-President Russu Puntin, Elizaveta Peskova. Din, kontra għal dak li jemmen u jrid missierha, tellgħet “Le għall-Gwerra” fuq il-midja soċjali permezz tal-pjattaforma “Instagram Live”.

Imma għaliex il-President Russu qiegħed jinsisti daqshekk li jieħu taħt idejh l-Ukrajna? Għaliex lest li jċappas idejh bid-demm ta’ ċittadini u suldati? Fl-istess ħin, għaliex il-pajjiżi l-oħra, li wegħdu kollaborazzjoni sħieħa mal-Ukrajna u fattwalment ma tawhiex ħlief tawha l-armamenti u imponew sanzjonijiet lir-Russja, huma wkoll urew tant interess f’dan il-pajjiż? 

Jista’ jkun hemm raġuni oħra u din tinteressa lill-partijiet kollha kkonċernati – kemm lir-Russja, lill-Ukrajna, kif ukoll lill-pajjiżi tal-Punent u lill-Istati Uniti. Din ir-raġuni m’hija xejn inqas mill-flus. Flus f’forma ta’ riżorsi li l-Ukranja hija tant għanja bihom. Dawn jinkludu riservi naturali, agrikoltura rikka u qasam industrijali b’saħħtu ħafna. 

Riżorsi Naturali

L-Ukrajna hija kklassfikata bħala: 

  • It-tieni l-akbar pajjiż bħala daqs fl-Ewropa u għandha popolazzjoni ta’ aktar minn 40 miljun persuna, ammont li jiżboq dak fil-Polonja;
  • L-ewwel fl-Ewropa f’riżervi ppruvati li jistgħu jiġu rkuprati ta’ minerali tal-uranju;
  • It-tieni post fl-Ewropa u fl-10 post fid-dinja f’riżervi minerali tat-titanium;
  • It-tieni post fid-dinja f’riżervi esplorati ta’ minerali tal-manġaniż (2.3 biljun tunellati jew 12% tar-riżervi mondjali);
  • It-tieni l-akbar riżervi ta’ ħadid fid-dinja (30 biljun tunellata);
  • It-tieni pajjiż fl-Ewropa f’riżervi ta’ minerali tal-merkurju;
  • It-tielet post fl-Ewropa u fit-13-il post fid-dnja f’riservi ta’ gass (22 triljun metri kubi);
  • Ir-raba’ fid-dinja bħala total ta’ valur ta’ riżorsi naturali;
  • Fis-seba’ post fid-dinja f’riżervi tal-faħam (33.9 biljuni tunellati).

Agrikoltura

L-Ukrajna hija pajjiż agrikolu ta’ importanza:

  • L-ewwel fl-Ewropa f’termini ta’ żona ta’ art li tinħarat;
  • Fit-tielet post fid-dinja b’żoni ta’ ħamrija sewda (25% tal-volum totali dinji);
  • L-ewwel fid-dinja fl-esportazzjoni ta’ fjura ġirasol u żejt tal-ġirasol;
  • It-tieni fid-dinja fil-produzzjoni tax-xhir u r-raba’ bħala esportazzjoni tax-xhir;
  • It-tielet l-akbar produttur u r-raba’ l-akbar esportatur tal-qamħirrum fid-dinja;
  • Ir-raba’ l-akbar produttur ta’ patata fid-dinja:
  • Il-ħames l-akbar produttur ta’ segala fid-dinja;
  • Fil-ħames post fid-dinja fil-produzzjoni tan-naħal (75,000 tunellati);
  • Fit-tmien post fid-dinja fl-esportazzjoni tal-qamħ;
  • Fid-disa’ post fid-dinja fil-produzzjoni tal-bajd tat-tiġieġ;
  • Fis-16-il post fid-dinja fl-esportazzjoni tal-ġobon;
  • Dan il-pajjiż jista’ jitma’ 600 miljun persuna.

Industrija

L-Ukrajna hija pajjiż industrijali importanti għax hija:

  • L-ewwel fl-Ewropa fil-produzzjoni ta’ ammonia;
  • It-tieni fl-Ewropa u r-raba’ fid-dinja b’sistema tal-pipeline tal-gass naturali;
  • It-tielet l-akbar fl-Ewroppa u l-11-il pajjiż fl-Ewropa b’tul ta’ network ferrovjarju (21,700 kilometru);
  • It-tielet pajjiż fid-dinja wara l-Istati Uniti u Franza fil-produzzjoni ta’ appart ta’ lokalizzazzjoni;
  • It-tielet l-akbar esportatur ta’ ħadid fid-dinja;
  • Ir-raba’ l-akbar esportatur ta’ turbini tal-impjanti nukleari fid-dinja;
  • Ir-raba’ l-akbar manifattur tar-rokits;
  • Ir-raba’ pajjiż fid-dinja fl-esportazzjoni tat-tafal;
  • Ir-raba’ pajjiż fid-dinja bħala esportazzjoni tat-titanju;
  • It-tmien pajjiż fid-dinja li jesporta minerali;
  • Id-disa’ wieħed fid-dinja li jesporta prodotti tal-industrija tad-difiża;
  • L-10 akbar produttur tal-azzar fid-dinja (32.4 miljun tunellata).

Minn din il-lista wieħed faċilment jara kemm għandha valur l-Ukrajna u mhix ta’ soRpriża għala għall-bqija tad-dinja huwa importanti li dan il-pajjiż ikun indipendenti. Mentri, għal Putin, it-telfa ta’ dan it-territorju u dawn ir-riżorsi, barra r-raġunijiet “probabbli” l-oħra li semmew, żgur li se tinħass jekk ma jirnexxielux jerġa’ jieħu taħt idejh l-Ukrajna.

Sport