Wednesday, July 24, 2024

Għaliex daqstant mibegħda?

Aqra wkoll

Ninsabu biss ftit ġranet bogħod mill-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Kif mistenni, f’pajjiż bħal tagħna fejn il-politika tista’ tgħid li hija s-suġġett dominanti ta’ kull ġurnata, id-doża aktar tikkarga. Ma rridx niġi interpretat li qed ngħid li mhux sewwa li wieħed jinteressa ruħu fil-politika. Anzi. Hekk għandu jkun, biex tkun f’pożizzjoni biex f’jiem ta’ għażla, bħal dawk li resqin ġmielhom, tieħu deċiżjoni. Li rrid nesprimi huwa d-dieqa meta nara, kif ċert li tara int ukoll, kif qiegħed jinqabeż kull limitu. Kif qed ikun abbużat il-famuż dritt tal-espressjoni.

Mhux se noqgħod indur mal-lewża. Missejna litteralment il-qiegħ. Il-mibegħda li qed tkun espressa fuq il-midja soċjali hija xi ħaġa tal-għaġeb. Mibegħda. Ħdura. Niddejjaq nikteb b’dan il-mod imma m’hemmx triq oħra għajr li tinjora. Imma billi tinjora ma jfissirx li l-mibegħda u l-ħdura espressa ma jkunux hemm.
Imma possibbli m’aħniex kapaċi nikkummentaw b’mod seren? M’aħniex kapaċi ngħidu li mhux qed naqbel mal-argument li qed tagħmel u li l-punt tiegħi huwa dan jew dak? Hemm għalfejn noffendik? Hemm għalfejn nattakkak personalment? Hemm għalfejn ninvolvilek lill-familja?

Hawn min jgħidlek li dik hija injoranza. Jista’ jkun, imma għalija dak huwa selvaġiżmu u mhux injoranza. X’ħin taqra ċerti kummenti ġġib għajnejk wara widnejk li kieku kienu jistgħu jinqalgħu minn posthom. Tgħidli ħu passi bil-Qorti. Kemm trid u nista’ naqbel li jsir hekk. Imma l-argument tiegħi huwa għaliex għandu jsir hekk? Għaliex għandna nieħdu dik it-triq, meta kull ma jrid isir huwa li ‘tattakka’ l-argument, il-pożizzjoni meħuda, imma mhux lil min qed jagħmel l-argument?

Il-libertà sabiħa. Kemm trid. Imma l-abbuż minnha jwassal għal libertinaġġ. Minn estrem għal ieħor. Kull estrem ħażin. Almenu dik hija l-opinjoni tiegħi. Nagħti eżempju wieħed li verament darrasni. U nixtieqek tevita li tkun influwenzat mill-persuna konċernata. Seta’ kien min kien. Rajt post fuq Facebook dwar Joseph Muscat. Kien jgħid xi ħaġa hekk: Qed tinnotaw kemm naqas dan ir-raġel. Dan marid. Il-kumment ma tridx tieħdu waħdu waħdu. Kien parti minn diskursata li l-kuntest tagħha kien attakk sfrenat fuq Joseph Muscat u l-kumment li kkwotajt kien qisu ċ-ċirasa fuq il-kejk għal min għamlu. Kien jinħass t-ton ta’ sodisfazzjon fil-konklużjoni li wasal għaliha dak li kien qed jikteb. Sodisfatt għax deherlu li Joseph Muscat marid.

Trid tqis ukoll li l-eżempju li ġibt huwa biss qatra f’oċean. Ċert li jgħaddulek minn moħħok kummenti simili li fihom jinkwadraw persuni mill-kamp oppost. Li ma jfissirx li waħda tiġġustifika lill-oħra. L-argument tiegħi mhux dak. L-argument tiegħi huwa dwar il-vomtu ta’ mibegħda. Il-ħdura.

Sfortunatament Facebook qed jintuża wkoll b’dan il-mod. U ejjew inkunu ċari: mhux fuq politika biss. Anke fuq sempliċiment riżultat ta’ partita football. Marija Santissima x’tara u x’taqra! M’inix ngħid li kollox għandu jitpoġġa f’keffa waħda. Li wieħed jiċċajta ma’ ħabib tiegħu dwar riżultat f’logħba ma tkunx waqgħet id-dinja. Qed jgħaddili minn moħħi xi ħaġa simili li rajt ftit tal-jiem ilu minn ħabib tiegħi, partitarju tat-team Taljan Inter. Għadda botta lil dawk ħbieb tiegħu partitarji tal-Juventus. Tratta d-differenza tal-punti miksuba miż-żewġ timijiet bħala l-gradi tat-temperaturi. Wieħed bil-minus u l-ieħor bil-plus. Umoriżmu u xejn aktar. Imma ġenwin, onest u ma joffendi lil ħadd. Li jnissillek tbissima.

Lura lejn ix-xena politika. Huwa sewwa allura li jitkissru familji sempliċiment għax ikun hemm membri tal-istess familja li jkollhom opinjoni politika differenti minn ta’ xulxin? Huwa sewwa li tali sitwazzjoni twassal biex titnissel mibegħda bejn l-aħwa? Huwa sewwa li toqgħod toffendi b’dak kollu li għandu u m’għandux lil min ma jaqbilx miegħek fuq suġġett partikolari, kien x’kien is-suġġett?

Nixtieq nagħlaq b’punt pożittiv. Kemm nieħu gost naqra kontribuzzjonijiet li jkunu qegħdin jesprimu, iwasslu messaġġi ta’ ferħ. Ta’ tama. Ta’ kuraġġ. Ta’ solidarjetà ma’ min ikun qed ibati jew għaddej minn ċirkostanzi diffiċli.
Il-pożittiv sabiħ daqskemm hu ikrah in-negattiv.
[email protected]

X’inhi r-raġuni?

Ftit aktar minn xahrejn ilu, eżattament fis-17 ta’ Marzu li għadda, minn din il-paġna kkummentajt u ilmentajt dwar żewġ liftijiet li hemm fejn il-pont tal-proġett tal-‘flyovers’ qrib l-ajruport. Preċiżament maż-żewġ naħat tal-pont li permezz tiegħu wieħed jista’ faċilment jaqsam aktar minn karreġġata waħda bla periklu ta’ xejn. Pont użat ħafna, speċjalment minn ħaddiema, suldati, u studenti tal-ITS. Ilmentajt li ż-żewġ liftijiet ma jaħdmux.

Xi raġuni għal dan hemm. Ma rridx noqgħod fuq dak li jgħidu dwar x’inhi r-raġuni. L-ispekulazzjonijiet ma nemminx fihom. Nixtieq li tingħata l-verżjoni korretta minn min hu responsabbli għal din id-deċiżjoni. Għax wara kollox dawk ukoll flus il-poplu. Ma jagħmel ebda sens li tagħmel żewġ liftijiet u ma tħaddimhomx. Għax allura stajt ma għamilthom xejn mill-ewwel.

Inkomplu nistennew.

Ekonomija

Sport