Sunday, December 28, 2025

Għaliex din il-mibegħda?… fejn hi l-empatija?

Aqra wkoll

Grupp ta’ immigranti ikunu f’diffikultà u jiddaħħlu f’pajjiżna. Xi wħud fi stat ta’ saħħa mhux tajba. Dgħajfin. Rajnihom mal-art fuq moll, jistennew sakemm jingħataw l-assistenza li kellhom bżonn. 

Ftit passi bogħod minnhom, seħibhom li kien magħhom bla ħajja. Fuq wiċċhom tara l-marka tat-tbatija li għaddew minnha. Il-ġuħ. L-għatx. L-inċertezza. Proprju ftit jiem wara imbagħad, vjaġġ ieħor b’destin kiefer. Kienu 117 fuq dgħajsa. Inqalgħu diffikultajiet. Spiċċaw fil-baħar. Għerqu kollha barra wieħed.

Każi ta’ qsim il-qalb. Daqstant ieħor hi tal-qsim il-qalb in-nuqqas ta’ empatija li teżisti fostna. Quddiem dawn it-traġedji umani, spikkaw kummenti moqżieża fuq is-siti soċjali. Kummenti bla ebda empatija. Kummenti mtaqqlin mill-preġudizzji u r-razziżmu. Kummenti li injoraw għal kollox l-aspett uman, injoraw għal kollox is-solidarjetà, ma urew ebda ħniena. 

Kummenti xokkanti. Li jħalluk bħal kliem. Jissummawk. U tibqa’ tistaqsi lilek innifsek kif jista’ jkun inkiteb dak li qed taqra. 

Tegħreq dgħajsa u jkollok min jikteb “grazzi Mulej li ma ħallejthomx jidħlu Malta. Grazzi Mulej”. Tkompli taqra u ssib kumment ieħor xokkanti. “Jekk tibqa’ tagħmel hekk Mulej, jien nibda nemmen fik. Grazzi talli ma ħallejthomx jidħlu”.

Għidi x’jibqa’ fik taqra dawn il-kummenti. Dawn kienu kummenti li nkitbu bla mistħija ta’ xeon. Ma’ dawn il-kummenti imbagħad issib kummenti oħrajn li ma juru ebda rimors għal din it-traġedja umana, għal din it-tbatija ta’ dawn in-nies.

Fost dawn kien hemm: “Għalhekk mhux ser niekol illum”. “X’jimpurtana”. “Mela jiġu hawn u jkissru”. “Mhux tort tagħna żgur”.  “L-għażla ħażina tagħhom hija l-konsegwenza tal-mewt tagħhom.” “Jiġu jdejqulnha pajjiż”. “Fjuwil, ikel, xorb  u komplu l-vjagg. Min għandu bżonn kura intuhielu u għall-ajruport”.  “Ibagħtuhom lura mnejn ġew”. ‘Keċċuhom ‘lbarra”. “Dritt għall-ajruport u barra”. “Daħħluhom daħħluhom ħalli maż-żmien jimponu fuqna”. “Xkanawhom pajjiżhom minnufih”. ‘Aktar imbarazz ma saqajna”.

Dawn huma kummenti infami u kundannabbli. Kummenti li l-bażi tagħhom huma l-preġudizzji u r-razziżmu. Kummenti egoisti ibbażati fuq ‘aħna’ u ‘huma’ u jinjoraw għal kollox li aħna,  ġejjin minn fejn ġejjin kollha indaqs. M’hemmx differenzi bejnietna.

Dawn huma kummenti li juruk is-sintomu ta’ marda li għandna fis-soċjetà tagħna, dik ta’ soċjetà mimlija preġudizzji kontra l-barranin. Preġudizzji lejn min hu ta’ ġilda differenti minn tagħna, preġudizzji kontra min hu ta’ razza differenti minn tagħna jew ta’ reliġjon.

Nemmnu li llum is-soċjetà tagħna għandha bżonn ħelsien mill-estremiżmu li qed jikber fostna. Estremiżmu li forsi ġieli ninjorawh imma qiegħed magħna.   Estremiżmu li ma jagħmel xejn ħlief li jirkeb fuq it-traġedji tal-vulnerabbli biex ibeżża sezzjonijiet tal-poplu.  Estremiżmu li ma juri l-ebda ħniena. Lanqas ma dawk bla nifs f’nofs ta’ baħar.  Għax dawn x’tort għandhom? L-uniku tort li għandhom hu li ppruvaw isibu ħajja aħjar.

Nemmnu li llum hemm bżonn li jkun hawn ħelsien mill-indifferenza għal dak li ma jirrigwardax lilna direttament. Nemmnu li r-razziżmu u l-antipatija li xi wħud minna għandhom lejn dawk li ma humiex Maltin llum m’hemmx postha. F’pajjiż modern u miftuħ għad-dinja, ma hemmx lok għar-razziżmu u l-preġudizzji. 

U iva il-liġijiet li jirrigwardaw kummenti ta’ mibegħda, kummenti razzisti, ma sarux biex taparsi inkitbu. X’jiswa liġijiet fuq il-karta biss? X’jiswa li jkollok l-istrutturi f’posthom imma tibqa’ taqra kummenti ta’ mibegħda li jixxukkjawk?  

Ir-razziżmu f’Malta qiegħed ikomplu jerfa’ rasu, għalkemm dan mhux fenomenu tagħna biss.  Qiegħed jerfa’ rasu anki minħabba gruppi ta’ nies li kontinwament qegħdin joħolqu biżat u perċezzjonijiet.

Apparti dan ir-razzizmu hemm imbagħad razziżmu li ftit li xejn nitkellmu dwaru. Intuh dejjem il-ġenb. Dan hu r-razziżmu istituzzjonalizzat. 

Tkun f’ristorant u jkun hemm familja Afrikana bi tfal tagħhom. Imorru jpoġġu ma’ mejda u fil-mejda ta’ maġenbhom familja Ewropea. Iħarsu biċ-ċiera għax poġġew. Iqumu u jmorru fin-naħa l-oħra tar-ristorant.

Persuna Afrikana tmur biex tinqeda f’xi post partikolari imma jħalluha tistenna. Jinġabru xi grupp ta’ persuni Afrikani f’post u naraw kif nagħmlu xi ħaġa biex ma joqogħdux hemm. Li kieku dawn kienu Żvediżi, Taljani, ma konniex nagħmlu per eżempju strutturi biex dawn il-persuni ma joqogħdux f’dak il-post partikolari. Għamilha hekk għax Afrikani.

Persuna Afrikana kwalifikata għal xogħol partikolari, kapaċi twettqu u tkun suċċess, imma tinqabeż kull darba li tagħmel intervista. Forsi spiss tinżerta lil xi ħadd Afrikan quddiemek, jixtri xi ħaġa, imma min jaqdieh, ma tantx jieħdu bil-ħlewwa. Anzi jieħdu bil-herra. Imbagħad f’sezzjonijiet oħra nuru l-immaġini tal-faqar u għal dan nuru Afrikani. Qisu l-faqar hemm biss jeżisti. Spiss ukoll, naraw li nies li jittellgħu l-Qorti akkużati b’xi każ u ssir enfasi kbira li dawn ikunu Afrikani. Tkun  f’uffiċċju u tara persuna Afrikana taħdem ma’ kollegi oħra. Jiġu n-nies jinqdew imma ħadd ma jsaqsi lill-persuna Afrikana imma lill-persuni bojod. F’Tal-Linja, persuna Afrikana b’sit vojt ħdejh ikun l-aħħar li jimtela’. Fis-soċjetà tagħna b’mod regoli qegħdin inkomplu inwaħħlu tikketti ma’ dawn in-nies.

U dan fejn qed iwassalna? Qed iwassalna għal aktar diskriminazzjoni fost minoritajiet. Nemmnu li pajjiżna għandu jitratta r-razziżmu istituzzjonalizzat. Razziżmu li ma jagħmel xejn ħlief joħloq tbatija żejda.

Ir-razziżmu u r-razziżmu istituzzjonalizzat mhux problema ta’ dawk li jsofru minnu biss. Huma problema ta’ kulħadd – tas-soċjetà. Nemmnu li dan għandu jkun trattat. Mhux f’pajjiżna biss imma anki fuq livell Ewropew. Nemmnu li ħadd m’għandu jgħaddi minn din it-tip ta’ diskriminazzjoni, ibbażata fuq il-kulur tal-ġilda u mill-etniċità tiegħu.

Ħadd m’għandu jkun imċaħħad milli juri l-abbiltajiet tiegħu jew ma jingħatax ċans li juri x’kapaċi jagħmel sempliċiment minħabba l-kulur tal-ġilda.

Nemmnu li r-razziżmu istituzzjonalizzat hu aktar diffiċli biex titrattah. Qiegħed magħġun fis-soċjetà tagħna. Dan hu razziżmu sistematiku. Razziżmu li hu parti minn norma. Ħafna nies lanqas biss tgħaddi minn moħħhom li dan hu razziżmu. Dan daħal u hu magħġun fis-soċjetà u fl-organizazzjonijiet li sar ħaġa normali. U din hi sitwazzjoni li fis-soċjetà tagħna tibqa’ toħloq id-diskriminazzjoni.

Ma ninsewx li l-prinċipju li l-bnedmin kollha jitwieldu ħielsa u ugwali fid-dinjità u fid-drittijiet huwa prinċipju fundamentali tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport