Tisma’ ġenituri, speċjalment ommijiet jgħidulek li qed iħossuhom taħt pressjoni għax għadhom ma rreġistrawx lil uliedhom f’xi programm sportiv jew li inkwetati għax qed jaraw li tfal tal-istess età ta’ wliedhom qegħdin jagħmlu movimenti aktar żviluppati minn tagħhom. Jew tinġibdilhom l-attenzjoni għax tfal żgħar mhux joqogħdu kwieti l-iskola jew mhux jaqbdu l-lapes sew.
Ħafna għandhom it-twemmin li aktar ma wliedhom jitgħallmu l-affarijiet minn kmieni jew jagħmlu l-affarijiet minn kmieni, huwa aħjar. Iżda inti ma tistax tissikka lil dawn l-ulied ċkejknin jibdew jaqdfu minn issa fit-triq għas-suċċess.
Kemm jekk qed nitkellmu dwar it-tagħlim akkademiku jew dak sportiv, din l-idea pprofondiet sew fis-soċjetà tagħna. Imma minn fejn ġiet? Għaliex il-ġenituri u t-tfal qed jittaqqlu b’dan il-kunċett falz? Għaliex il-ġenituri qed jiġu bbumbardjati bil-kunċett żbaljat tal-biża’ li jekk ma jagħtux liċ-ċkejknin tagħhom bidu mill-aqwa, jekk ma jkunux kompetittivi se jaqgħu lura u jispiċċaw bħala falliment?
Sfortunatament din l-idea qed twassal li jitwarrbu l-ġugarelli minn idejhom u jibdew mill-ewwel jgħaddsu rashom fit-tagħlim.
Mhux ta’ b’xejn li ħafna mit-tfal tal-lum huma stressati u lanqas jafu x’jaqbdu jagħmlu fil-ftit ħin li jkollhom liberu. Meta jibda jintagħlab wisq minnhom, l-ansjetà tiżdied hekk kif it-tfal jonqsu milli jilħqu l-aspettattivi tal-ġenituri u l-għalliema tagħhom – għax ma jkunux kapaċi jagħmlu dak li jkun qed jintalab minnhom. Dan kollu ma jagħmel xejn biex javviċinahom għal aktar tagħlim, anzi bil-kontra.
Jekk nitkellmu dwar l-iżvilupp tagħhom bħala movimenti, wieħed irid iqis li l-koordinazzjoni tas-saqajn u l-għajnejn ma tkunx żviluppata bis-sħiħ qabel l-età ta’ disa’ jew għaxar snin.
Meta inti ġġiegħel lit-tfal li l-muskoli, il-ġogi u l-għadam tagħhom ikunu għadhom qed jiżviluppaw jagħmlu affarijiet li jmorru lil hinn minn dak li għandu jkun mistenni minnhom se jirriskjaw li jkorru, u xi kultant ikorru b’tali mod li jibqgħu affettwati ħażin tul ħajjithom kollha. Dan kollu xejn ma jgħinhom javviċinahom lejn l-isports.
Allura, kemm jekk qed nitkellmu dwar it-tagħlim jew il-movimenti, żewġ affarijiet li t-tfal jitwieldu b’imħabba, ir-riżultat aħħari ħafna drabi jkun l-istess: telf ta’ motivazzjoni u stmerrija intensa. Barra minn hekk, it-tfal li huma “mħarrġa” mill-adulti biex jiżviluppaw b’pass li mhux tagħhom għandhom it-tendenza li jsiru persuni inqas awtonomi. Hekk kif jingħad li meta tibda xi ħaġa qabel ma l-moħħ ikun lest, tista’ tikkawża problemi.
Il-fatt hu li l-iżvilupp tat-tfal ma jistax jiġi aċċellerat. Barra minn hekk, m’hemm l-ebda raġuni biex tipprova taċċellerah. Ir-riċerka turi li normalment sat-tielet sena tal-iskola, m’hemm l-ebda differenza partikolari fil-livelli tal-qari bejn dawk li jkunu bdew jaqraw kmieni u dawk li jkunu bdew aktar tard. U r-riċerka turi li t-tfal li jibdew jitħarrġu fl-isport meta jkunu żviluppati jlaħħqu tajjeb u saħansitra jaqbżu lil dawk li jkunu bdew jitħarrġu minn kmieni.
It-tfulija mhix prova tal-ilbies għall-età adulta. Hija fażi separata, unika u speċjali ħafna tal-ħajja. U sfortunatament hawn min qed iwassal li wliedu jaqbżuha minħabba twemmin żbaljat li aktar ma jibdew jitgħallmu minn kmieni huwa aħjar.
Minn meta ddeċidejna li l-ħajja kienet tellieqa waħda twila? Minn meta, eżattament, il-ħajja saret kompetizzjoni? U għaliex aħna lesti li nissagrifikaw it-tfulija ta’ ġenerazzjoni sħiħa sabiex jirbħu?