Kemm isir agħa u storbju u bir-raġun meta naraw xi binja antika tagħmel il-wisa għal oħra ġdida, jew bini modern u forsi bla karattru ħdejn bini storiku u arkitettoniku. Illum żdiedet ħafna l-kuxjenza favur il-wirt storiku tagħna u dak li jagħmilna Maltin. Minkejja dan għandna patrimonju li hawn fostna li qegħdin ituh bis-sieq. Bil-kemm m’hawnx min jaħseb li jagħmilna inferjuri. Qegħdin nitkellmu fuq il-lingwa Maltija. Għandna għalliema li saħansitra qed jgħidu tfal ma jużawx il-lingwa Maltija, jew jitkellmu b’mod li jwasslu l-messaġġ li d-djalett hu xi ħaġa inferjuri.
Pajjiżi ħafna akbar minna lanqas għandhom ilsien tagħhom u aħna hawn min fostna iwarrab l-ilsien tagħna. Tistaqsi għaliex? Risposti hemm diversi. L-ilsien hu dak li itina l-identità tagħna. L-identità tagħna bħala Maltin. Bħala nazzjon. Il-lingwa Maltija, li hija parti mill-patrimonju ta’ pajjiżna. Parti mill-identità tagħna għax biha kull Malti u kull Maltija jkunu jafu minn fejn bdew u min bdiehom. B’dan il-mod li nifhmu bis-sħiħ l-identità tagħna – l-għeruq tagħna.
L-isfidi għall-lingwa ma jonqsux, l-akbar illum bil-mod mgħaġġel kif qed tinbidel id-dinja. U waqt li qed nitkellmu fuq il-lingwa Maltija ħsiebi imur lura għal għadd ta’ snin ilu meta ġurnata fost il-ġimgħa u s-Sibt filgħodu kont nintasab il-Bibjoteka, infittex fil-kotba Melitensia, fil-ġurnali Maltin u f’letteratura oħra Maltija.
Ma tistax issemmi l-letteratura Maltija u ma tiftakarx fil-Bibjoteka Nazzjonali tagħna. Ġawhra oħra, li ħafna drabi l-pubbliku inġenerali ftit li xejn hu konxju tagħha. Il-parti l-kbira qatt ma marru fiha. Il-fotografu Roger Azzopardi żar dan il-post, fejn fl-ambjent kwiet, u fis-silenzju minn studjużi waqt ir-riċerka tagħhom, ħareġ aktar is-seher ta’ dan il-post bil-fotografija.
Għada intervista ma’ Rigu Bovingdon f’IT-TORĊA.