Tuesday, December 24, 2024

Għaliex il-barranin f’riskju akbar ta’ kriżi u suwiċidju?

Il-Psikjatra Mark Xuereb jispjega għala…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-traġedja li fiha persuna tasal li ttemm ħajjitha b’suwiċidju hija realtà u hija perikoluża ferm fi żminijiet diffiċli bħalma għandna dan l-aħħar b’sentejn ta’ pandemija globali u issa b’instabbiltà ekonomika kkawżata mill-gwerra fl-Ukrajna. Dan biex ma nsemmux il-problemi, li għal xi wħud mhumiex ftit, li persuni jridu jiffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Din ir-realtà kkawżata minn problemi u sfidi li mhux kulħadd jeħodhom bl-istess mod, tmiss ukoll lill-persuni ta’ nazzjonalità barranija u lokalment jirriżulta li bejn l-2017 sa Settembru ta’ din is-sena, 29 barranin temmu ħajjithom traġikament b’suwiċidju.

Dwar il-fatturi ta’ riskju li jwasslu biex persuni barranin jaslu b’att iddisprat itemmu ħajjithom anke jekk dawn jinsabu mili ‘l bogħod minn art twelidhom, dan is-sit tkellem mal-psikjatra Dott. Mark Xuereb fejn identifika l-iżolament bħala l-akbar fattur ta’ riskju. Dan flimkien ma’ problemi oħra li jaffettwawhom ħażin ħafna bħalma huma dawk finanzjarji kkawżati minn telf ta’ impjieg, solitudni, razziżmu u nuqqas ta’ servizzi.

Strateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju li tħares lill-barranin ukoll

“Fil-każ tal-barranin, hemm fattur kbir li huwa dak tal-iżolazzjoni. Jekk inti tkun ġo post iżolat u ma tistax tmur lura f’pajjiżek bħalma konna fil-Covid-19, tħossha ħafna. Hemm ukoll il-problemi finanzjarji speċjalment jekk jitilfu l-impjieg u jridu jaraw minn fejn se jibagħtu l-flus għall-familja jew għat-tfal. Hemm kulturi li fihom ir-raġel irid ikun dak li jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum u f’każijiet fejn jitlef l-impjieg, dan huwa ta’ diżunur kbir. Fatturi oħra huma r-razziżmu, għejja u nuqqas ta’ servizzi. L-isfidi għall-persuni barranin li jgħixu Malta huma akbar minn dawk li rridu niffaċċjaw aħna u għalhekk qegħdin nipproponu kapitlu sħiħ fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Prevenzjoni tas-Suwiċidju li għad mhiex implimentata iżda l-ħtieġa tagħha dejjem qiegħda tiżdied,” spjega Dott. Xuereb. 


Kull min jinsab fi kriżi jew qiegħed jikkontempla s-suwiċidju jista’ jċempel għall-għajnuna 24/7 fuq 9933 9966, jew jidħol fil-paġna ta’ Facebook “Crisis Resolution Malta” jew iniżżel il-KriżiApp. 

Filwaqt li għamilha ċara li kull mewt hija mewta żejda, il-Kap tal-Crisis Resolution sostna li, “hemm kulturi, nazzjonijiet, u twemmin differenti u allura mhux dawn il-persuni mhux biss iħossuhom iżolati minħabba li huma differenti, imma hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn ma jistgħux jesprimu ruħhom minħabba l-lingwa. Dan minħabba li jekk interpretu ma jkunx tal-istess grupp etniku, jista’ jkun hemm il-pika. F’dan il-każ, l-istrateġija nazzjonali għandha proposta ta’ professjonisti apposta li jgħinu speċifikament lill-minoranzi etniċi”. 

Medja ta’ żewġ suwiċidji fix-xahar…

Minn informazzjoni li ngħatat mill-parlament ir-rata ta’ suwiċidju s-sena l-oħra kienet l-ogħla li kellna f’Malta mill-2017. It-total ta’ persuni li f’dawn l-aħħar sitt snin, liema sena 2022 l-istatistika tasal sax-xahar ta’ Settembru, temmu ħajjithom b’suwiċidju huwa ta’ 143 persuna. Dan l-ammont jirriżulta xejn inqas minn medja ta’ żewġ persuni fix-xahar, ammont li jħassibna mhux ftit. Aktar fid-dettal, fl-2017 il-persuni li mietu b’suwiċidju kien ta’ 25; fl-2018 kien ta’ 22; fl-2019 kien ta’ 21; fl-2021 tela’ għal 34 mentri sa Settembru ta’ din is-sena irriżulta li kellna 19-il każ. L-istess statistika, kif għidna, turi li 29 każ minnhom kienu ta’ vittmi ta’ nazzjonalità barranija. 

Filwaqt li fakkar li n-nies mhumiex numri iżda n-numri jgħin biex nagħmlu pjanijiet ta’ strateġija, Dott. Xuereb spjega li jkun aħjar jekk statistika tittieħed fuq numru sostanzjaliu kbir ta’ snin. Dan bil-għan li wieħed ikun jista’ jara aħjar t-tendenzi b’mod aktar fid-dettall u korrett. 

“In-nies mhumiex numri iżda n-numri jgħinuna biex nagħmlu pjanijiet ta’ strateġija”

Mark Xuereb

“Ir-rata ta’ mortalità (kemm nies mietu kull 100,000 ta’ popolazzjoni) fuq medda aktar twila, jiġifieri mill-2010 ta’ Malta kienet ta’ 7.5%. Fl-2010 l-Crisis Team Malta u sena wara, din ir-rata niżżilnieha għal 5.5%. Dan juri li salvajna nies. Ifisser li l-Crisis Teams, il-kampanji ta’ suwiċidju, il-linja tat-telefons miftuħha 24/7 għal kriżijiet, kif ukoll għarfien anke mill-midja li jagħtu vuċi lill-Crisis Team, jaħdmu. Jasal il-messaġġ li s-suwiċidju qatt m’huwa soluzzjoni u li jista’ jintrebaħ għax dejjem hemm soluzzjoni”.

Huwa spjega li l-kampjun mill-2017 huwa żgħir iżda juri li tul il-lockdown żdiedu l-ansjetà u l-biżgħa. Min-naħa l-oħra, statistika bil-miljuni li ħarġet madwar id-dinja kollha mill-Università ta’ Brisbane fl-Awstralja, ikkonfermata mis-Samaritans UK u mill-Crisis Resolution Malta, ir-rata ta’ suwiċidju waqt il-lockdown naqset. “Interessanti huwa l-fatt li waqt il-lockdown kulħadd kien magħluq flimkien u barra minnhekk l-abbużaturi kellhom aktar kuntatt mal-vittmi tagħhom b’konsegwenza li l-frustrazzjoni żdiedet. Hawnhekk il-każijiet fejn persuna tweġġa’ lilha nnfisha (is-self harm) żdiedu u dan l-atteġġjament jista’ jwassal għas-suwiċidju,” kompla l-Kap tal-Crisis Team.

Fi żmien il-Covid: Imn’alla kienet il-midja soċjali…

Dott. Xuereb qal li jista’ jkun li ma kienx neċessarjament il-Covid-19 li wassal għal dan l-ammont ta’ persuni li mietu b’suwiċidju iżda kien hemm fatturi oħra fosthom l-ekonomija, it-telf ta’ impjieg, l-iżolament u l-biżgħa. 

“Kien hemm ħafna każijiet fost lavranti u persuni barranin li waqgħu f’dipressjoni minħabba l-iżolament fosthom Sqallin li litterament ma setgħux jaqsmu vjaġġ żgħir bil-baħar jew 20 minuta bl-ajruplan biex ikunu viċin il-qraba tagħhom. F’dan il-perjodu ngħid li mn’alla kienet il-midja soċjali għax almenu kien hemm kuntatt. Immaġinaw kieku dan ġara fil-passat. Dan huwa każ fejn it-teknoloġija tgħinna”.

L-appell huwa li jekk tafu jew intom ħbieb ma’ xi ħaddiem barrani jew persuna minn minoranza etnika differenti li jinsabu fi kriżi serja, tkellmu magħhom u ġibulhom l-għajnuna. “Għandna nies apposta li jitkellmu l-lingwa tagħhom kif hekk speċifikat fl-imsemmi draft tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju. Għinnuhom għax b’hekk forsi mingħajr ma tafu tkunu qegħdin issalvaw ħajja,” temm il-psikjatra Dott. Mark Xuereb.

Ekonomija

Sport